STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Inawgurat proġett ta’ rinnovazzjoni fl-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima fl-Università ta’ Malta
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, Kitack Lim inawguraw sala ġdida u faċilitajiet ta' akkomodazzjoni ġodda għall-istudenti li jattendu fl-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima, l-IMLI, fil-kampus tal-Università ta' Malta, fl-Imsida.
Għall-inawgurazzjoni kien preżenti fost l-oħrajn, id-Direttur tal-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima, il-Professur Martínez Gutiérrez kif ukoll diversi studenti li attendew għal din l-okkażjoni.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-Gvern permezz tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar iffinanzja dan il-proġett b'investiment ta' kważi €500,000. Huwa saħaq li permezz ta' dan l-investiment l-istudenti se jkollhom ambjent isbaħ u aktar komdu fejn jagħmlu l-lezzjonijiet billi se jkollhom faċilitajiet, sistemi u mezzi aktar moderni u tal-għola kwalità.
“Il-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tal-industrija marittima għall-ekonomija Maltija u għalhekk permezz ta' inizjattivi bħal dawn qed inkomplu ninvestu fil-wirt marittimu rikk ta' pajjiżna," temm jgħid il-ministru.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, Kitack Lim radd ħajr lil Gvern Malti u lil Gvern tar-Repubblika tal-Korea tal-appoġġ li sab minn għandhom. Huwa qal li permezz tax-xogħol li ġie iffinanzjat mill-Gvern Malti u dak tar-Repubblika tal-Korea, l-istudenti mhux biss se jkollhom ambjent aktar komdu fejn jitgħallmu imma dan se jgħin biex jixpruna 'l quddiem skambju kulturali u kollaborazzjoni fost individwi minn diversi nazzjonijiet.
L-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali, l-IMLI, ġie stabbilit fl-1988 taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u huwa ċentru rikonoxxut fid-dinja, fost oħrajn għat-taħriġ ta' speċjalisti fil-liġi marittima internazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en