STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Istandards, l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) organizzat konferenza bit-tema “Il-kontribut tal-istandards għall-benesseri tas-soċjetà". It-tema tal-konferenza hija fl-ispirtu tat-tielet Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG 3) tan-Nazzjonijiet Uniti.
Dan il-jum internazzjonali huwa ddedikat biex iqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-istandardizzazzjoni u jonora l-isforzi tal-eluf ta' esperti li jiżviluppaw u jaħdmu fuq standards nazzjonali u internazzjonali.
Fid-diskors tal-ftuħ tal-Konferenza, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li fil-qasam tal-kummerċ, dawn l-istandards huma s-sisien li fuqhom hija mibnija l-kompetizzjoni ġusta. Dan peress li jservu bħala gwida għall-operaturi ekonomiċi biex ikunu konformi mar-regolamenti u d-direttivi tal-UE.
Kelliema ewlenin fil-konferenza enfasizzaw il-benefiċċji multi dimensjonali li l-istandards iġibu magħhom, partikolarment għall-SMEs li huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, u permezz tal-istandards stabbiliti, jistgħu jtejbu l-kompetittività tagħhom, jiżguraw il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, u jiksbu aċċess għas-swieq globali.
Il-konferenza tefgħet dawl ukoll fuq l-irwol integrali tal-istandards fil-prattiċi Ambjentali, Soċjali u ta' Governanza (ESG). Hekk kif id-dinja tirrikonoxxi dejjem aktar l-importanza tal-prattiċi sostenibbli ta' negozju, l-istandards jipprovdu pjan ċar għall-kumpaniji biex jintegraw prattiċi ESG fl-operat tagħhom.
Fid-diskors tal-għeluq tal-Konferenza, iċ-Chairperson tal-MCCAA Helga Pizzuto tkellmet dwar il-kollaborazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-intrapriżi fil-ħidma tagħhom biex jadottaw u jkunu konformi mal-istandards sabiex jiksbu l-fiduċja u r-rikonoxximent tal-konsumatur filwaqt li tiżdied l-effiċjenza u l-kompetittività.
Helga Pizzuto faħħret l-irwol tal-Istitut tal-Istandards u l-Metroloġija, pilastru imprezzabbli fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. Permezz tad-dedikazzjoni kontinwa ta' din l-entità, l-industriji ngħataw is-setgħa li jaslu għall-konformità tal-istandards li jiggarantixxu li l-prodotti u s-servizzi jżommu mal-aktar standards stretti ta' kwalità u sikurezza.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en