STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Klinika rinovata fl-Isptar San Luqa żżid l-ispazju għall-għoti ta’ servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità
Fi sforz kontinwu sabiex jiżdiedu l-kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunità infetħet klinika ġdida fil-campus tal-Isptar San Luqa, li minnha se jkunu offruti iżjed servizzi lill-klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi tas-saħħa mentali.
Fi żjara f'dan is-sit rinovat, fil-Jum Dinji dedikat għas-Saħħa Mentali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li permezz ta' dan is-sit rinovat, se jkompli jissaħħaħ il-prinċipju importanti tal-Politika Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, dik li l-kura, kemm jista' jkun, tingħata lil hinn mill-Isptar Monte Carmeli u l-Isptar Mater Dei.
Chris Fearne spjega li dan is-sit temporanjament se jintuża mit-tim komunitarju tas-saħħa mentali li normalment joffri s-servizzi tiegħu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi, fid-dawl li dan iċ-Ċentru jinsab magħluq temporanjament għal xogħol ta' rinovar u tisbiħ. Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lit-tim ta' din il-klinika tax-xogħol li jagħmlu ma' 'l fuq minn elfejn klijent li jaqa' taħt il-kura tagħhom. Din il-ħidma ħafna drabi tinkludi anke viżiti fid-djar tagħhom u appoġġ b' mod telefoniku sabiex ikun żgurat li l-klijenti ma jitilfux sessjonijiet jew kura bla bżonn u li jingħata l-appoġġ kollu neċessarju lill-klijenti u qrabathom.
Fil-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, id-Deputat Prim Ministru tenna wkoll l-appell tiegħu sabiex iżjed żgħażagħ jersqu lejn il-professjonijiet li jistgħu jgħinu lill-persuni bi problemi ta' saħħa mentali. “Dawn il-professjonijiet iħallu impatt dirett fuq il-ħajja ta' mijiet ta' persuni. Ta' dan inrodd ħajr lill-professjonisti kollha ta' dan il-qasam, tax-xogħol dedikat u kontinwu tagħhom," stqarr Chris Fearne.
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja wkoll lid-Divizjoni tal-Cleansing u l-Maintenance bl-assistenza tagħhom għax-xogħol ta' rinovar ta' din il-klinika.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en