STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
Wara sforz kollaborattiv bejn il-Fond Ewropew tal-Investiment (EIF) u l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, in-negozji żgħar u medji (SMEs) f'Malta huma mistennija li jirċievu appoġġ sostanzjali li jammonta għal total ta' €16.55 miljun permezz tal-“Malta Member State Compartment", li huwa s-suċċessur tal-“SME Initiative Programme" li kien ta' suċċess. Din l-inizjattiva taqa' taħt il-kappa ta InvestEU, il-programm tal-Kummissjoni Ewropea mfassal biex jattira investimenti ta' mill-inqas €372 biljun biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni Ewropea sal-2027.
L-għan primarju ta' dan il-mandat InvestEU, appoġġat mill-EIF, huwa li jiġi stabbilit strument li jagħti garanzija għall-kompetittività tal-SMEs. Dan l-istrument il-ġdid huwa maħsub biex jissostitwixxi l-“SME Initiative Programme", li b'kontribuzzjoni inizjali ta' €29 miljun, iffaċilita l-ħolqien ta' portafoll b' valur ta' madwar €120 miljun, li jappoġġja aktar minn 1,000 SME f' Malta. Il-“Malta Member State Compartment" jibda b' baġit inizjali ta' €16.55 miljun, li jinkludi €9.48 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u €7.07 miljun mir-riżorsi nazzjonali permezz ta' JEREMIE reflows, li hija parti mill-allokazzjoni tal-Malta Multiannual Financial Framework (MFF). Dan il-finanzjament se jkun dirett lejn il-bini ta' portafoll ta' self li jammonta għal €60 miljun permezz tal-SME Competitiveness Guarantee Instrument.
L-investiment tal-EIF permezz ta' InvestEU huwa mistenni li jkollu impatt sinifikanti fuq l-SMEs Maltin billi jtejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament u jtejjeb il-kundizzjonijiet ta' finanzjament. Dan jista' jwassal għal rati tal-imgħax aktar baxxi u għal tnaqqis fil-ħtiġiet tal-kollateral, u b' hekk ikun aktar faċli għall-SMEs li jiksbu l-finanzjament meħtieġ għat-tkabbir u l-innovazzjoni.
Il-mandat propost jirrappreżenta t-tkabbir tal-programm InvestEU, li tissimplifika l-mudell t'implimentazzjoni għall-mandati tad-dejn tat-tielet pilastru. Bl-użu tal-għarfien espert u r-riżorsi tal-EIF, din lis-sħubija għandha l-għan li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-SMEs Maltin, trawwem l-innovazzjoni u toħloq l-impjiegi fir-reġjun.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija ta' Malta, u l-Gvern se jibqa' jappoġġja lill-SMEs, kif dejjem għamel f'dawn l-aħħar għaxar snin, u anke waqt l-isfidi riċenti li ffaċċjat id-dinja.
“Dan l-istrument se jagħti lill-SMEs aktar aċċess għall-finanzjament, filwaqt li jindirizza l-kwistjoni ta' aċċess limitat għall-finanzjament mill-SMEs. Din l-inizjattiva tagħmilha wkoll aktar attraenti għall-istituzzjonijiet bħall-banek peress li taqsam il-piż tar-riskju minħabba l-fatt li l-istrument ikopri porzjon mill-ammont misluf lill-SMEs, fejn il-banek jistgħu joffru rati tal-imgħax aktar kompetittivi u ħlasijiet lura aktar fit-tul. Fi kliem ieħor, dan jgħin biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-finanzjament li ħafna SMEs jiffaċċjaw biex ikunu jistgħu jinvestu fl-innovazzjoni biex jilħqu l-avvanzi teknoloġiċi li qegħdin dejjem jiżdiedu, u b'hekk jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku," qal il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li bl-għajnuna tal-fondi Ewropej il-Gvern qed jantiċipa impatt pożittiv fuq ix-xenarju finanzjarju għall-SMEs Maltin filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar qed irawwem żieda fl-innovazzjoni u l-ħolqien tax-xogħol fil-pajjiż.
“Din il-kollaborazzjoni tixhed is-saħħa tal-programm InvestEU u l-impenn tagħna li nużawh b'mod effettiv. Flimkien mal-EIF, qegħdin f'pożizzjoni li nkunu nistgħu nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-SMEs tagħna, u b' hekk nikkontribwixxu għall-ġid ekonomiku ta' Malta. Flimkien, se nkomplu naħdmu b 'mod diliġenti biex nappoġġjaw in-negozji tagħna u niżguraw it-tkabbir kontinwu u l-kompetittività ta' Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea."
Marjut Falkstedt, il-Kap Eżekuttiv tal-EIF, ikkummenta dwar dan l-iżvilupp u stqarr li “Malta ilha pijuniera fl-użu tal-istrumenti finanzjarji tal-EIF mill-2007, u din is-sħubija strateġika bejn l-EIF u Malta timmarka mument kruċjali fl-appoġġ kontinwu tagħna għall-SMEs tal-pajjiż. Ir-riżultati pożittivi miksuba permezz tal-'SME Initiative Programme' qabżu l-aspettattivi inizjali tagħna. Ninsabu impenjati li nkomplu bl-appoġġ tagħna biex l-SMEs Maltin jippromwovu tkabbir sostenibbli u inklussiv fil-pajjiż."
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en