STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jagħmel referenza għall-filmat li deher fuq il-midja soċjali fejn saru diversi allegazzjonijiet infondati u inveritiera fuq l-iskola sekondarja Santa Luċija, Kulleġġ San Tumas More.
Is-suġġett tal-PSCD, li jinkludi fih edukazzjoni sesswali, huwa suġġett mandatorju u huwa parti integrali mill-kurrikulu minimu nazzjonali. Dan ifisser li l-istudenti kollha huma mistennija jattendu għal-lezzjonijiet tal-PSCD fit-totalità kollha tagħhom bi preparazzjoni għall-ħajja.
Waqt il-lezzjonijiet tal-PSCD jintużaw riżorsi adattati u pprovduti mid-dipartiment tal-edukazzjoni u mhux kif allegat fil-filmat li bħallikieku l-għalliem jaqbad u jiddeċiedi li jagħmel użu minn materjal ieħor mhux adattat, bħal frott. Dawn il-lezzjonijiet jiġu mgħallma fi żmien u età addattat meta l-istudenti jkollhom 14-il sena u għalhekk ikollhom ċerta maturità.
Kull azzjoni li ttieħdet mill-iskola f'dan ir-rigward issegwi d-direzzjoni nazzjonali u l-iskola kellha fil-fatt kuntatt maż-żewġ ġenituri involuti f'dan il-każ. Il-persuna fil-filmat ibbażat dak kollu li qalet fuq informazzjoni mhux korretta.
Il-Ministeru mhux se jittollera li ebda azzjoni jew diskors ma jaffettwa jew jesponi b'mod pubbliku sitwazzjonijiet familjari b'riperkussjonijiet fuq minuri involuti.
Jidher ċar li min għamel il-filmat m'għandux idea x'inhi l-verità u l-iskop wara dan kollu u konxjament jew inkella b'nuqqas t'għarfien qed ixxerred filmati mimlija misinformazzjoni.
Fl-istess nifs il-ministeru jirringrazzja u jagħti s-sapport tiegħu lill-edukaturi li qed jagħmlu d-dmir tagħhom u jgħallmu sillabi skont dak li huwa l-kurrikulu edukattiv f'pajjiżna. Il-Ministeru jtenni li għandu fiduċja fit-tmexxija tal-Iskola, fl-għalliema u f'min iddisinja l-kontenut tas-suġġett dejjem fl-aħjar interess tal-istudenti fl-iskejjel tagħna.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en