STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT “Mixja mal-President” mill-Verdala għal Sant’Anton sal-Belt fil-11 ta’ Novembru li ġej
Il-President George Vella nieda l-attività għall-familja kollha, “Mixja mal-President" b'risq The Malta Community Chest Fund (MCCF). Il-mixja se ssir is-Sibt 11 ta' Novembru u tibda fit-3pm mill-Palazz Verdala, tkompli sal-Palazz ta' Sant'Anton u tintemm quddiem il-Palazz il-Belt Valletta.
Waqt it-tnedija, il-President Vella qal li jinsab ħerqan biex jingħaqad ma' ħafna nies għall-mixja li tippromwovi l-eżerċizzju fiżiku, l-għaqda nazzjonali u s-solidarjetà ma' min qed ibati u jeħtieġ l-għajnuna tal-MCCF.
“Dan il-pajjiż jixraqlu l-għaqda u jekk inħarsu madwarna u naraw x'inhu għaddej mhux tant 'il bogħod minna, nirringrazzjaw 'l Alla li f'dan il-pajjiż m'għandniex problemi esaġerati u ħafna drabi nkabbruhom aħna u jkunu jistgħu jiċċekknu kieku npoġġu rasna flimkien u nitkellmu fuqhom u nsolvuhom bejnietna," qal il-President waqt li rringrazzja lill-isponsors u kull min jgħin f'dawn l-attivitajiet.
L-uffiċjal responsabbli mill-attivitajiet ta' SportMalta, Rose Marie Mercieca, qalet li din l-attività se jkollha tliet bidliet ewlenin mill-edizzjonijiet simili li saru fis-snin l-imgħoddija. Spjegat li se ssir fil-forma ta' mixja, is-Sibt waranofsinhar u tinkludi t-tliet Palazzi Presidenzjali. Il-parteċipanti jistgħu jagħżlu li jitilqu mill-Palazz Verdala fit-3pm jew mill-Palazz ta' Sant'Anton ftit wara fid-direzzjoni lejn il-Palazz il-Belt.
Is-Sur Kevin Chircop, Chairperson Eżekuttiv tal-isponsor ewlieni Enemed, qal li bħala kumpanija dejjem għarfu li fil-ħajja mhux kulħadd jista' jiġri, u jkun hemm min ikollu pass iktar kajman mill-ieħor minħabba ċ-ċirkostanzi u l-isfidi tal-ħajja. Stqarr li l-“Mixja mal-President" hi opportunità biex ningħaqdu flimkien u kollha flimkien nimxu bl-istess pass lejn il-Belt waqt li nagħtu daqqa t'id lil min hu fil-bżonn permezz tal-Malta Community Chest Fund.
L-applikazzjonijiet għall-“Mixja mal-President" bdew jintlaqgħu online fuq mccf.store, mill-Kitchen Garden, mill-Palazz ta' Sant'Anton, mill-uffiċċji tal-MCCF il-Belt u r-Rabat, Għawdex, mill-ħwienet kollha ta' Maypole u mill-kumplessi ta' SportMalta f'Ħal Kirkop, il-Kottonera u l-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq. Ir-reġistrazzjoni tiswa €10 u kull parteċipant jingħata T-shirt tal-mixja.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Graham Bencini, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qalu li huma se jkunu spalla ma' spalla mal-President u l-poplu f'mixja li għandha għan altruwistiku.
Waqt it-tnedija fil-preżenza tas-Sinjura Miriam Vella u ċ-Chairperson tal-bord amministrattiv tal-MCCF, is-Sur John Huber, intqal li l-Malta Public Transport se torganizza servizz speċjali għall-“Mixja mal-President" bi vjaġġi speċjali mill-Belt Valletta għall-Palazz ta' Sant'Anton u l-Palazz Verdala bejn 12pm u s-2pm. Wara l-mixja, se tigi estiża r-rotta numru 56 mill-Belt Valletta lejn Ħad-Dingli u r-Rabat, bejn is-6.30pm u t-8pm, li tinkludi waqfa quddiem il-Palazz ta' Sant'Anton u l-Palazz Verdala.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en