STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Għarfien aktar qawwi dwar is-saħħa mentali fost it-tfal
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal nieda sensiela ta' filmati qosra bil-għan illi joħolqu għarfien akbar dwar is-saħħa mentali fost it-tfal u l-adoloxxenti, b'dawn il-filmati intwerew waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa filgħodu. Dawn il-filmati huma intiżi illi jgħinu mhux biss lit-tfal iżda anke lill-ġenituri sabiex jifhmu aħjar minn dak illi jkunu għaddejja minnhom uliedhom.
Il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo tkellmet dwar l-importanza ta' relazzjoni b'saħħitha bejn il-ġenituri u l-ulied, sabiex ikun hemm kommunikazzjoni reċiproka, li tgħin lit-tfal ikunu komdi jaqsmu dak li għaddejjin minnu. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dawn il-filmati se jintwerew fl-iskejjel tal-Primarja, tas-Sekondarja u anke dawk Indipendenti. B'hekk dawn il-filmati se jservu ta' mezz addizzjonali ieħor f'lezzjonijiet marbuta mal-iżvilupp personali u soċjali tat-tfal u l-adoloxxenti.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dawn il-filmati huma mod ċar ta' kif nistgħu nwasslu messaġġ li jinftiehem mat-tfal, u li jgħin wkoll lill-ġenituri jkunu viċin aktar t'uliedhom, għaliex b'dan il-mod jifhmu aħjar mġieba u attitudni illi teħtieġ attenzjoni. Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar il-ħidma Ministerjali, fejn kontinwament taħdem sabiex isaħħaħ id-drittijiet tat-tfal b'mod ħaj u li verament joħloq bidla tanġibbli. Tkellem dwar il-liġi tal-protezzjoni tat-tfal, li tgħin lil tfal vulnerabbli, bla vuċi u li ħafna drabi jispiċċaw maqbuda f'kontroversji legali. ''Għalhekk qed inkomplu nsaħħu r-riżorsi umani tagħna, ningaġġaw aktar professjonisti, filwaqt li nagħtu aktar inċentivi biex aktar studenti jistudjaw il-professjoni tal-kura soċjali. Se nkomplu nġeddu l-politika tagħna u nagħmlu l-bidliet neċessarji sabiex verament jirriflettu l-ħtiġijiet u r-realtajiet tal-preżent'', temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en