STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA
Forzi tal-Ordni eqreb tal-komunità, b'Pulizija tal-Komunità u uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta' persuni bid-dimensja
Iffirmati żewġ ftehimiet bejn l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, il-Pulizija tal-Komunità u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bil-għan li ż-żewġ entitajiet tal-aħħar ikun mgħarrfa aħjar dwar l-isfidi ta' persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja.
Permezz tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità se jkun qed jingħata taħriġ lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili u anke lill-Pulizija tal-Komunità.
Fost it-taħriġ li se jkun qed jingħata, il-membri taż-żewġ entitajiet se jkunu f'pożizzjoni aħjar li jirrikonoxxu sinjali ta' dimensja fuq persuni oħra, u l-mod kif jikkomunikaw ma' dawn il-persuni waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
Preżenti għal iffirmar tal-ftehimiet kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif f'ħidmiethom fil-qalba tal-komunità, kemm il-Pulizija, kif ukoll uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, jiltaqgħu ma' persuni differenti, u b'kundizzjonijiet varji fl-aktar ħinijiet diffiċli għal dak li jkun, u għalhekk li taħriġ speċjalizzat hu ta' importanza kbira. Il-Ministru Camilleri qal li kif apparti l-investiment bla preċedent li l-gvern qed jagħmel fil-Korpi Dixxiplinati kollha, qed isir investiment ukoll f'dak li għandu x'jaqsam ma' taħriġ kontinwu lill-ħaddiema u li dan qed itejjeb ukoll il-benesseri tas-soċjetà, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħaddiema infushom fil-karrieri rispettiva tagħhom.
“Qed naraw li l-membri tal-Korpi Dixxiplinati li jassistu lin-nies ikunu preparati dejjem aktar f'kull eventwalità u anke fir-realtajiet li għandna fil-qalba tal-komunitajiet ta' pajjiżna. Kien għalhekk li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u anke l-Pulizija tal-Komunità se jkunu qed jirċievu taħriġ kontinwu f'aspetti varji soċjali, sabiex dawn l-uffiċjali jifhmu aħjar setturi varji tas-soċjetà waqt is-servizz tagħhom," temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega kif permezz ta' dan il-ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità u l-Korpi Dixxiplinati, ser tkun qed tiġi mfassla parti oħra mill-istrateġija Nazzjonali għad-dimensja. Persuni bid-dimensja jkollhom diffikultajiet fil-memorja u l-komunikazzjoni, u għalhekk jeħtieġu li dawk li jagħtuhom l-għajnuna jkunu jafu l-limitazzjonijiet tagħhom u jadattaw għall-bżonnijiet tagħhom.
Għal dan il-għan id-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja se jkun qed jagħmel numru ta' sessjonijiet ta' informazzjoni għall-Pulizija tal-Komunità u għall-Protezzjoni Ċivili, biex dawn ikunu iktar konxji bil-kundizzjoni u jkunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz possibbli lill-individwi bid-dimensja.
“Dan il-ftehim ser ikun pass ieħor importanti fit-titjib tal-kwalità u l-kura li ta' kuljum qed niżguraw li tingħata lill-anzjani. Flimkien, bħala gvern qed inkomplu niżguraw li noffru l-ogħla servizz għall-ġid tal-komunità", temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Il-ftehimiet ġew iffirmati minn Renzo Degabriele għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunitá, l-Aġent Deputat Kummissarju tal-Pulizija, Kenneth Haber u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en