STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-MCAST u l-UĦM għall-gradi amministrattivi
Madwar 175 impjegat se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid b'kundizzjonijiet imtejba li ġie ffirmat illum bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-UĦM. Il-ftehim kollettiv itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fil-gradi amministrattivi li jaqgħu taħt il-ftehim tal-UĦM.
Il-ftehim il-ġdid jinkludi pakkett finanzjarju mtejjeb u opportunitajiet aħjar ta' progressjoni u jaħseb ukoll għal flexi-time imtejjeb biex jakkomoda l-ħtiġijiet tal-ħaddiema. Jinkludi wkoll ħamest ijiem miżjuda għal leave ta' studju bi ħlas, biex issa l-impjegati huma eliġibbli għal għaxart ijiem leave ta' studju.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li ppresieda għall-iffirmar tal-ftehim, qal, “Qed inkomplu ninvestu fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna – ir-riżors uman u huwa għalhekk li qed inkomplu ninvestu fil-ħaddiema tas-settur edukattiv b'mod dirett." Huwa kompla li l-investiment kontinwu f'dan is-settur qed jara li jingħataw mhux biss kundizzjonijiet imtejba lill-ħaddiema, f'dan il-każ lill-ħaddiema amministrattivi, imma wkoll opportunitajiet aħjar kif ukoll ambjent edukattiv mill-aqwa.
B'mod ġenerali, l-MCAST se tkompli taħdem biex tiżgura ambjent tax-xogħol pożittiv li jħeġġeġ lill-impjegati biex jikbru, filwaqt li tagħti prijorità mhux biss lill-progressjoni fil-karriera tagħhom iżda wkoll lis-saħħa u lill-benesseri tagħhom. Bħala istituzzjoni edukattiva, it-tkabbir tal-impjegati tagħha bħal tagħlim tul il-ħajja huwa wkoll prijorità.
Il-Professur Joachim James Calleja, Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, qal, “Bħala Kulleġġ l-investiment fil-ħaddiema huwa prijorità biex kulħadd igawdi minn ambjent tax-xogħol pożittiv fejn kull individwu jikber u javvanza fil-karriera tiegħu. Il-kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali hija kruċjali kemm għall-ġid tal-ħaddiema kif ukoll għall-istudenti biex dejjem ikollhom l-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġu".
Min-naħa tal-UĦM, il-Kap Eżekuttiv Josef Vella qal, “Huwa ta' pjaċir għalina li nkunu nistgħu ntejbu l-kundizzjonijiet u l-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema, u dan qed nieħduh ukoll f'kuntest li din hija istituzzjoni kbira f'pajjiżna li qed tipprepara liż-żgħażagħ, żgħażagħ li huma l-uniku riżorsa li dan il-pajjiż għandu biex inkomplu nibnu l-viżjoni ekonomika tagħna. Il-viżjoni u l-funzjoni tal-MCAST tagħti kuraġġ lilna bħala union u msieħba soċjali għaliex fl-aħħar mill-aħħar irridu naraw dan kollu f'kuntest nazzjonali".
Il-ftehim kien iffirmat minn Mario Sacco u Isabelle Farrugia, Direttur u Assistent Direttur għan-naħa tal-UĦM u l-Professur Joachim James Calleja u Philip Vella, Prinċipal u Kap Eżekuttiv, u Deputat Prinċipal għan-naħa tal-MCAST.
Fi tmiem l-okkażjoni, il-Ministru Clifton Grima rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fid-diskussjonijiet li wasslu għal dan il-ftehim kif ukoll awgura lill-letturi, lill-edukaturi, lill-istaff amministrattiv u lill-istudenti fil-bidu ta' din is-sena akkademika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en