STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Aktar kategorizzazzjoni ta’ stipendji preskritti u ta’ prijorità għolja fl-Università ta’ Malta u l-MCAST biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-kapital uman ta’ Malta
Investiment ieħor edukattiv dirett fl-istudent ta' madwar €6.5 miljun
L-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta' Malta tiddependi mill-provvista tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa ta' ħaddiema tal-lum u tal-futur. L-iżvilupp tal-kapital uman, li l-formazzjoni tiegħu huwa proċess fit-tul, għandu, sa fejn huwa possibbli, ikun allinjat ma' tali strateġiji u pjanijiet nazzjonali jekk dawn iridu jkunu ta' suċċess.
Biex jiżgura dan l-allinjament, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, permezz tal-Bord tal-Għotjiet għall-Manteniment tal-Istudenti, irreveda l-istrateġiji ewlenin u l-pjanijiet ta' azzjoni ta' Malta f'dan ir-rigward u, wara konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, adotta qafas ġdid għall-klassifikazzjoni bħala 'preskritti' u 'high-priority' ta' korsijiet offruti mill-Università ta' Malta u l-MCAST f'livelli differenti ta' Malta Qualification Framework.
Il-qafas huwa bbażat fuq sitt assi, immirat lejn:
- L-iżgurar ta' tkabbir ekonomiku f'setturi ta' manifattura avvanzata u ta' ekonomija ġdida, infrastruttura ta' kwalità għolja u l-ambjent;
- Li jintlaħqu l-bżonnijiet soċjali;
- It-tħejjija għall-Impjiegi tal-Futur;
- It-tisħiħ tal-kapital uman STEM;
- Il-forniment lill-industrija b'kapital uman b'ħiliet tekniċi għoljin;
- L-indirizzar ta' nuqqasijiet immedjati ta' professjonisti fit-tagħlim STEM.
Ir-rabta bejn l-allinjament tal-prijoritajiet strateġiċi u nazzjonali ta' Malta u l-klassifikazzjoni tal-korsijiet bħala 'preskritti' u 'prijoritarji' se tkompli tissaħħaħ permezz ta': - Twaqqif ta' kumitati permanenti mill-Bord tal-Għotjiet ta' Manutenzjoni tal-Istudenti kemm (a) mal-industrija u mal-intrapriża; u (b) entitajiet li joperaw f'oqsma ambjentali, ta' żvilupp sostenibbli u soċjali;
- Koordinazzjoni ma' entitajiet governattivi bħal Jobplus, Malta Enterprise, eċċ;
- Reviżjoni strateġika ta' tliet snin biex jiġi żgurat li l-klassifikazzjoni tal-korsijiet bħala 'preskritti' u 'prijorità għolja' tissodisfa l-ħtiġijiet strateġiċi u nazzjonali ta' Malta hekk kif iċ-ċirkostanzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jinbidlu.
Fuq il-bażi ta' dan il-qafas, matul it-tliet snin akkademiċi li ġejjin, se jiddaħħlu gradwalment 'il fuq minn 46 kors li għadhom kif ġew ikklassifikati bħala 'preskritti' jew 'prijorità għolja'. Dan se jkun investiment ieħor edukattiv dirett fl-istudent ta' madwar €6.5 miljun.
Huwa mbassar li fis-sena akkademika 2023/24 se jibbenefikaw madwar 1,200 student, kemm studenti ġodda, jew studenti li se jipproċedu għat-tieni sena u 'l quddiem fl-istudji tagħhom.
“L-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu huwa fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna – ir-riżors uman," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. “Dan qed nagħmluh b'mod konkret b'din ir-reviżjoni u li minnha mhux biss se jibbenefika l-istudent, imma l-pajjiż b'mod ġenerali, għaliex qed insaħħu wkoll il-provvista tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa tal-ekonomija," qal il-Ministru Grima.
Lista tal-korsijiet li għadhom kif ġew kategorizzati bħala 'preskritti' jew 'prijorità għolja' u s-sena akkademika li se jiddaħħlu gradwalment jinsabu fuq is-sit; https://educationservices.gov.mt/en/studentsgrants/Pages/default.aspx
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en