STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jippresedi konferenza taż-Żgħażagħ intitolata “Tletin Sena Mit-Twaqqif tal-Gvern Lokali”
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ppreseda konferenza taż-Żgħażagħ intitolata “Tletin Sena mit-Twaqqif tal-Gvern Lokali"fil- Parlament ta' Malta.
Fid-diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker iddeskriva liż-żgħażagħ bħal ġenerużi u anke kuraġġużi fl-impenn tagħhom biex itejbu l-qagħda tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-fatt liż-żgħażagħ jiddiskutu temi li jolqtu t-treġija ta' pajjiżna jfisser li huma qed jippreparaw biex aktar 'il quddiem jagħtu l-kontribut validu tagħhom fl-interess tal-lokalità tagħhom u ta' pajjiżhom.
Hu fakkar li kull impenn politiku għandu jagħti prijorità assoluta lill-persuna umana. Għalhekk, l-impenn politiku għandu jwassal biex wieħed jegħleb lilu nnifsu, iwarrab l-egoiżmu tiegħu, ikun altruwista, iħobb lil proxxmu u jqiegħed qabel kollox il-vera interess ta' ħaddieħor u l-aktar taż-żgħar u dawk li verament jeħtieġu l-għajnuna u l-protezzjoni tal-awtoritajiet kemm lokali kif ukoll dawk nazzjonali. L-Ispeaker kompla billi qal li għandhom jipproteġu lill-ġust u s-sewwa, u flimkien jieħdu azzjoni f'waqtha kontra min jikser il-liġi u ma josservax ir-regoli biex fil-lokalitajiet tagħna jkun hemm is-serħan il-moħħ u aktar sigurtà għaċ-ċittadini li jixtiequ jagħmlu użu mill-ispazji miftuħa u mit-toroq, partikolarment f'dawk il-postijiet fejn jinġabru l-aktar in-nies filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa.
L-Ispeaker għamel referenza għall-Att dwar il-Gvern Lokali tal-1993, li jelenka l-funzjonijiet tal-kunsilli lokali. Hu tenna li dawn huma bosta u ħafna minn dawn il-funzjonijiet jistgħu jitwettqu biss b'kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi u li tali kollaborazzjoni tista' twassal biex ikollna l-aħjar riżultati fl-interess tal-bliet u rħula ta' Malta u Għawdex.
Il-konferenza kien indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici, mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, il-Whip tal-Oppożizzjoni l-MP Robert Cutajar, l-MP Bernice Bonello u l-MP Darren Carabott.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en