STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Imħabbra l-pjattaforma diġitali ‘AdoptAPet’
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, flimkien mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, ħabbru pjattaforma diġitali ġdida bl-isem ta' AdoptAPet.
Is-sit elettroniku tal-AdoptAPet se jagħti lok lil kull min hu interessat li jaddotta annimal biex jagħmel ir-riċerka u jibda l-proċess f'din il-pjattaforma ċentrali. Dan is-sit se jiġbor u jesebixxi l-informazzjoni relatata mal-annimali kollha li bħalissa qegħdin fis-santwarji, fosthom ritratti, l-età, l-isem u t-tip ta' annimal.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, spjegat kif permezz ta' diversi proġetti infrastrutturali u edukattivi, il-Gvern qed ikompli jinkoraġġixxi iktar familji biex jagħmlu dan il-pass sabiħ, “Qed naraw kif dawk interessati biex jaddottaw, ikunu jistgħu jagħmlu dan bi proċess simplifikat. Għalhekk, illum, flimkien mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, qed inniedu din il-pjattaforma diġitali AdoptAPet."
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat kif, “Billi nissimplifikaw il-proċess biex wieħed jadotta annimal, iktar annimali se jkollhom l-opportunità li jsibu l-imħabba u l-apprezzament li tant ħaqqhom. Dan se jgħin biex is-santwarji jkunu jistgħu jaħdmu b'mod iktar effiċjenti."
Intant, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina spjegat li din il-website hi maħsuba biex tibda u tagħmel aktar faċli l-ewwel stadju tal-proċess tal-adozzjoni, iżda se jkunu s-santwarji li jibqgħu jieħdu ħsieb li l-annimali adottati jkunu addattati għall-familja.
“Li tagħżel l-aħjar familji skont il-karattru tal-annimali li jkunu għall-adozzjoni huwa proċess delikat li jirrikjedi esperjenza u għalhekk din id-deċiżjoni ser titħalla f'idejn il-voluntiera esperti tas-santwarji," qalet il-Kummissarju.
https://www.adoptapet.gov.mt hu sit elettroniku ġdid li se jagħmel aktar faċli l-proċess ta' adozzjoni tal-annimali mis-santwarji f'Malta u f'Għawdex. Dan is-sit se jiffaċilita l-adozzjoni kemm għal min jaddotta kif ukoll għas-santwarji f'pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en