STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Malta Enterprise bl-inizjattiva “Blue Med Focal Point” għal investimenti fl-ekonomija l-blu
Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, permezz ta' Malta Enterprise, nieda l-inizjattiva “Blue Med Focal Point" bil-għan li tgħin intrapriżi, negozji u kumpaniji jiżviluppaw proġetti u ideat li jikkontribwixxu għall-potenzjal tal-ekonomija l-blu sostenibbli, f'Malta u Għawdex.
Bħala parti minn din l-inizjattiva, Malta Enterprise ħabbret wkoll l-“SDG 14 Challenge", b'allokazzjoni ta' €4 miljun biex tattira kumpaniji b'soluzzjonijiet innovattivi f'dan il-qasam.
Inkorporata fi ħdan l-istruttura organizzattiva tal-Malta Enterprise, il-Blue Med Focal Point għandu l-għan li jattira investituri innovattivi lokali u internazzjonali f'niċeċ tal-ekonomija l-blu. Dan il-punt ċentrali se jkun qed jgħin ukoll lil dawk is-setturi tradizzjonali li joperaw fl-ekonomija l-blu biex huma wkoll iħaddnu soluzzjonijiet kummerċjali innovattivi, u jagħmlu l-operat tan-negozji tagħhom aktar sostenibbli fit-tul.
Din l-inizjattiva hija wegħda oħra mwettqa mill-manifest elettorali ta' dan il-Gvern, u l-implimentazzjoni tagħha timmarka tragward ġdid fl-impenn ta' Malta lejn ekonomija sostenibbli.
“Il-Gvern huwa impenjat bis-sħiħ li jingħaqad ma' pajjiżi oħra u jkollu viżjoni fit-tul. Qed inħarsu lejn il-prosperità fit-tul u nkunu fost l-ewwel pajjiżi li jagħmlu d-differenza fl-ekonomija l-blu. Il-Blue Med Focal Point se joħodna pass eqreb biex Malta ssaħħaħ attivitajiet li huma sostenibbli u li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg u karrieri ta' kwalità f'oqsma relatati," saħqet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.
Fl-aħħar xhur, il-Malta Enterprise ħadmet b'mod attiv sabiex l-inizjattiva tal-Blue Med tattira intrapriżi innovattivi li jikkontribwixxu għall-ekonomija l-blu ta' Malta. B'din l-inizjattiva, in-negozji ikunu jistgħu jibbenefikaw minn konsulenza u gwida minn esperti fl-industrija, b'kollaborazzjoni li tinkludi organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, il-Kunsill Dinji tal-Oċean, u l-Alleanza għall-Oċean Sostenibbli.
Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, irrefera għan-numru dejjem jikber ta' negozji u investituri li bl-investimenti tagħhom qed iwasslu għal ekonomija l-blu li tkun sostenibbli. Spjega kif hemm diversi opportunitajiet ta' negozji biex jiġu sfruttati permezz tal-użu sostenibbli u bl-immaniġġjar tar-riżorsi tal-oċeani.
“Permezz tat-twaqqif ta' din l-inizjattiva, il-Malta Enterprise qed issaħħaħ il-pedamenti tagħha biex tiżgura li l-ekonomija l-blu tingħata l-ispinta li jixirqilha. Il-“Blue Med focal point" qed jiffoka wkoll l-isforzi tiegħu fuq dawk is-setturi li huma kompatibbli mal-ħtiġijiet soċjo-ekonomiċi u ambjentali ta' pajjiżna," qal Kurt Farrugia.
L-SDG 14 Challenge se tkun kompetizzjoni internazzjonali, b'investiment ta' €4 miljun, biex tattira intrapriżi li għandhom soluzzjonijiet kummerċjali innovattivi li jindirizzaw l-għan tal-iżvilupp sostenibbli 14 (SDG14) – “Il-Ħajja taħt l-ilma".
Aktar informazzjoni dwar il-“Blue Med focal point" u l-SDG 14 Challenge jinsabu fuq maltaenterprise.com. L-applikazzjoni għall-SDG 14 Challenge huma miftuħin mill-llum, l-Erbgħa 20 ta' Settembru 2023, sa nhar il-Ġimgħa, 12 ta'Jannar 2024.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en