STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER: Global Parliamentary Forum: Advancing LGBTIQ Equality through Leadership and Representation fil-Parlament ta’ Malta
Dalgħodu, id-Deputat Speaker David Agius M.P. mexxa il-Konferenza Global Parliamentary Forum: Advancing LGBTIQ Equality through Leadership and Representation fl-Parlament ta' Malta. Din il-konferenza saret b'kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tas-Sur Cyrus Engerer, Membru tal-Parlament Ewropew, flimkien ma' Politicians for Global Action u Global Equality Caucus.
F'diskors tal-okkażjoni, id-Deputat Speaker rrefera għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, approvata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f'Pariġi, Franza f'Diċembru 1948. Permezz ta' din id-Dikjarazzjoni Universali, l-Istati Membri tal-Ġnus Magħquda huma obbligati li jħarsu u jipproteġu d-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-bnedmin kollha, mingħajr ebda distinzjoni.
Minħabba l-ksur persistenti tad-drittijiet u n-nuqqas ta' protezzjoni adegwata minn għadd ta' nazzjonijiet lill-komunitajiet LGBTIQ, f'Settembru 2018, is-Segretarju Ġeneral tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres appella lin-nazzjonijiet kollha jħabirku biex jipproteġu u jtemmu kull tip ta' diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ.
Id-Deputat Speaker elenka l-obbligi legali ta' kull stat biex iħarsu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u semma kif Malta, bl-azzjonijiet li ħadet biex tħares id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, hi meqjusa fost l-aktar pajjiż Ewropew avvanzat u ta' eżempju għal ħaddieħor.
F'din il-konferenza taw is-sehem tagħhom għadd sabiħ ta' Deputati Parlamentari minn diversi pajjiżi mill-Afrika, l-Amerika u l-Ewropa. Fost il-parteċipanti, kien hemm Dott. Helena Dalli, Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza; Petra De Sutter, Viċi Prim Ministru tal-Belġju, is-Sur Marc Angel, Viċi-President tal-Parlament Ewropew, u l-Membri tal-Parlament ta' Malta Graziella Attard Previ, Claudette Buttigieg, Randoph Debattista u Katya De Giovanni.
Id-diskors sħiħ tad-Deputat Speaker jinsab anness ma' din l-istqarrija.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en