STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET 63 student jtemmu b’suċċess skola għas-sajf b’tema teknoloġika
Matul dan is-Sajf, 63 student attendew għal Future Innovators Summer School, skola għas-sajf b'tema teknoloġika, li tat l-opportunità lill-istudenti jitgħallmu dwar teknoloġiji ġodda b'mod interattiv.
Din l-inizjattiva ttellgħet grazzi għall-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA), Tech.mt u l-eSkills Foundation, il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u l-MCAST.
Studenti ta' bejn it-13 u l-15-il sena, bejn Lulju u Settembru ħadu sehem fil-Future Innovators Summer School, fejn ġew mgħallma fuq l-intelliġenza artifiċjali, l-innovazzjoni diġitali, coding, blockchain, metaverse, 3D printing u cybersecurity. Din l-inizjattiva kienet ta' suċċess, tant li se tkun qed terġa' ssir s-sena d-dieħla.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri qal li, “Bħala gvern għarafna l-bżonnijiet tad-dinja tax-xogħol tal-lum u tal-ġejjieni u dawn il-programmi huma mmirati biex inħeġġu aktar liż-żgħażagħ tagħna jieħdu interess u jistudjaw suġġetti teknoloġiċi. B'hekk inkunu qed ngħaddulhom l-għodod neċessarji għall-futur."
Il-Ministru Schembri temm jgħid li matul il-ġimgħa li ġejja f'pajjiżna se jsir il-MED9 tal-ministri għall-ekonomija diġitali, fejn flimkien mal-Kummissjoni Ewropea se jkunu qegħdin jiddiskutu l-vantaġġi ta' ekonomija diġitali u jilqgħu għall-isfidi li din toffri.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Prof Joachim James Calleja qal li, “Matul dan is-sajf, kellna numru kbir ta' studenti li pparteċipaw f'attivitajiet differenti fil-kampus tal-MCAST, inkluż fil-Future Innovators Summer School. L-għan tagħna huwa li niftħu l-faċilitajiet u t-tagħlim għal kulħadd. Fil-qasam tat-teknoloġija il-Kulleġġ se jibqa' jkun fuq quddiem biex joffri tagħlim relevanti għad-dinja tax-xogħol. L-Istitut tal-Informatika u t-Teknoloġija ġewwa l-MCAST joffri diversi korsijiet li jwasslu għall-karrieri fil-qasam tad-dinja diġitali. F'Ottubru l-Istitut se jkun qed jibda korsijiet ġodda fil-livell ta' Baċellerat f'Digital Games u Cyber Security."
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat spjega li din l-inizjattiva kienet waħda minn diversi sforzi li qed isiru sabiex jippromwovu t-teknoloġija emerġenti, f'dan il-każ lil dawk ta' età żgħira. Huwa spjega li l-għan tal-Future Innovators Summer School kien li l-ġenerazzjoni futura tkun iktar kapaċi fl-użu tat-teknoloġija, filwaqt li rrimarka b'sodisfazzjon li l-programm huwa akkreditat. Huwa temm id-diskors tiegħu billi ħabbar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet ta' programm edukattiv ieħor immirat għaż-żgħażagħ bl-isem ta' DigiNova Camp.
Bejn id-19 u l-21 ta' Settembru, fl-MFCC f'Ta' Qali, se tkun qed tittella' wkoll TechXpo. Din l-Expo se ġġib taħt saqaf wieħed l-innovazzjoni, it-teknoloġija u n-negozju.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en