STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: 8 unuri lil personalitajiet li taw sehem eċċezzjonali fil-mixja għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+
Personalitajiet Maltin u barranin minn setturi varji ġew onorati bl-MVINTAGE Pride Award għas-sehem distint u eċċezzjonali tagħhom fil-mixja għar-rispett u l-ugwaljanza tal-komunità LGBTIQ+ f’Malta u fix-xena internazzjonali.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli ngħatat l-Lifetime Achievement Award b’għarfien għall-viżjoni u d-determinazzjoni tagħha biex tmexxi ’l quddiem l-aġenda tal-ugwaljanza. Kemm bħala Ministru tal-Ugwaljanza f’Malta kif ukoll bħala l-ewwel Kummissarju Ewropej għall-Ugwaljanza, Dr Dalli ħalliet marka distinta u legat dejjiemi b’sensiela ta’ policies, liġijiet u direttivi fil-qasam tal-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+ - legat li huwa rikonoxxut b’diversi awards oħrajn li l-Kummissarji Dalli ġiet onorata bihom fl-aħħar snin.
Il-kantant Glen Vella rebaħ l-Award tal-Pubbliku għaliex iddistingwa ruħu mhux biss fil-karriera professjonali tiegħu iżda wkoll fil-mod kif dejjem għex l-identità tiegħu.
Sylvana Attard ġiet onorata għaliex bħala omm uriet imħabba bla ebda kundizzjoni lejn binha Miles Alexander biex jgħix b’mod awtentiku ħajtu bħala persuna trans. Kontra kull preġudizzju, Sylvana kienet eżempju mill-aqwa biex tiddefendi lil binha u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Iċ-ċeremonja tal-preżentazzjoni ġiet organizzata mill-Allied Rainbow Communities u saret fil-Pride Village bħala parti mill-EuroPride Valletta 2023, u fiha ġiet onorata, fost oħrajn, Michelle Cilia li hija l-Head Nurse fil-Gender Wellbeing Clinic għall-kontribut tagħha biex ikun hemm aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa.
Il-koppja Glenn u Kurt Zammit Freeman rebħu l-award imsejjaħ ‘Influence and Impact’, għaliex matul is-snin xerdu l-messaġġ favur l-imħabba, l-inklużjoni u d-diversità u kienu eżempju ħaj taċ-ċelebrazzjoni tal-imħabba waqt li offrew spazju soċjali sikur għal persuni LGBTIQ+.
L-attivista Ungeriża Viktoria Radvanyi ngħatat l-unur prestiġjuż ‘Excellence in LGBTIQ+ representation worldwide’, b’għarfien għall-qlubija tagħha li tikkumbatti l-policies kontra d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżha.
Fil-qasam sportiv ġie onorat il-footballer Awstraljan Joshua Cavallo li fil-quċċata tal-karriera stqarr pubblikament l-orjentazzjoni sesswali tiegħu waqt li saħaq li persuni gay huma milqugħa u aċċettati fil-kompetizzjonijiet sportivi.
Romeo Roxman Gatt ġie onorat għal kontribut tiegħu fil-qasam artistiku li bih ippromwova d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ kemm f’Malta kif ukoll f’diversi pajjiżi Ewropej. Huwa l-fundatur ta’ Rosa Kwir li hija kollezzjoni ta’ stejjer u esperjenzi ta’ persuni tal-komunità li tul is-snin sofrew diskriminazzjoni u preġudizzji għaliex kienu emarġinati.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg filwaqt li ferħet lil persuni li ġew onorati, qalet li fl-oqsma varji tagħhom kienu viżjonarji u pijuniera fil-mixja għar-rispett u għad-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTIQ+ biex huma bi dritt igawdu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem bħal kulħadd. Żiedet tgħid li r-rebbieħa ta’ dawn l-unuri kienu xhieda tat-tema tal-EuroPride Valletta 2023 – Ugwaljanza mill-Qalb li għandha tkompli tkun fiċ-ċentru tal-ħidma politika u soċjali sakemm jingħelbu darba għal dejjem il-preġudizzji kontra din il-komunità.
Fi tmiem iċ-ċeremonja sar kunċert mill-ewwel Kor Kwir Malti. Immexxi minn Luke Saydon u b'arranġamenti mużikali minn Matteo Depares, Kor Kwir ipprovda spazju uniku u sikur għall-individwi kwir, alleati, u ħbieb biex jingħaqdu flimkien u jesprimu lilhom infushom liberament permezz tal-lingwaġġ universali tal-mużika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en