Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija edizzjoni oħra tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

pr231340
Date Icon 12/09/2023

L-edizzjoni ta' din is-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se jsir bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta' Ottubru, għandha t-tema #kotbakitbauaktar, tema li tixħet dawl fuq il-ħila tal-mezz artistiku li jmur lil hinn mill-kelma u jissawwar f'forom oħra, bħall-ħoss, it-teatru, jew l-adattament ċinematografiku.

Id-dettalji dwar il-programm ta' attivitajiet marbuta mal-Festival tħabbru mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Matthew Vella, u mill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) Mark Camilleri.

Il-Festival, li huwa bla ħlas, huwa miftuħ għal kulħadd u l-programm fih madwar 100 attività, fosthom,  attivitajiet għall-familja u għall-istudenti, diskussjonijiet dwar kotba, workshops ta' kitba, qari animat, fost oħrajn. Dawn l-attivitajiet ser jittellgħu fi swali apposta fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet f'Ta' Qali.

It-tema ta' din is-sena twassal il-ktieb lil hinn minn sempliċiment kitba, imma turi l-importanza u t-tixrid tal-letteratura f'forom diversi li kollha kemm huma jiċċelebraw il-kelma miktuba.

“F'dinja li dejjem qed timxi lejn il-mezzi diġitali, m'għandniex inwarrbu minjiera ta' informazzjoni li tinsab fi ktieb. Il-qari huwa wieħed mill-pedamenti tal-edukazzjoni u huwa għalhekk li parti mir-responsabbiltà tagħna hija li nħeġġu l-qari minn età bikrija. Il-litteriżmu huwa pilastru ewlieni tal-edukazzjoni u huwa għalhekk li qed jingħata importanza fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li bħalissa tinsab fi stadju avvanzat", qal il-Ministru Grima.

B'50 esebitur u numru ta' attivitajiet bil-parteċipazzjoni ta' mistiedna lokali u internazzjonali, il-Festival jibqa' l-aktar avveniment prominenti fil-Gżejjer Maltin għal dak li għandu x'jaqsam mal-kotba.

Din is-sena se jipparteċipaw fil-Festival Sam Blake, awtriċi Irlandiża ta' kotba bestsellers u finalista tliet darbiet għall-Premju tar-Rumanz Irlandiż tas-Sena; il-kittieb u editur ta' kotba tat-tfal Charlie Castelletti; l-aġent letterarju u l-konsulent tal-pubblikazzjoni Simon Trewin; u Jen Calleja u Kat Storace minn Praspar Press. L-awtriċi Maltija Clare Azzopardi se tingħaqad mal-mistiedna internazzjonali f'diskussjoni dwar ir-rumanz tagħha Castillo u l-adattament ċinematografiku tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri nnota d-diversi kollaborazzjonijiet li l-Kunsill għandu ma' entitajiet oħrajn, u li bis-saħħa t'hekk qed jittella' dan il-programm ta' attivitajiet. “Il-mistiedna internazzjonali se jagħmlu diversi workshops ta' kitba u editjar kif ukoll jaqsmu dak li jafu dwar is-swieq barranin mal-professjonisti Maltin," qal Mark Camilleri.

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella qal li, “Permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030 se nagħtu spinta lil-litteriżmu fis-snin bikrin. Nemmnu li l-litteriżmu huwa l-pedament biex l-istudenti jaslu fejn jixtiequ u jwettqu l-ħolm tagħhom. Għalhekk se nimxu minn inizzjattivi għal programmi aktar b'saħħithom biex naraw li kull tifel u kull tifla jkollhom dawn il-ħiliet tant neċessarji".

Dettalji dwar il-programm u l-attivitajiet jinsabu fis-sit https://ktieb.org.mt/, fil-paġna ta' Facebook tal-KNK, u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija edizzjoni oħra tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow