STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Tletin għaqda jibbenefikaw minn skema biex iwettqu proġetti fil-komunità
Tletin għaqda volontarja jew non-governattiva se jkunu jistgħu jwettqu proġetti fil-komunità bl-għan li jikkontribwixxu għall-ġid komuni.
Dan tħabbar waqt konferenza li għaliha ġew mistiedna l-għaqdiet li rnexxielhom jiksbu fondi għall-proġetti maħsuba tagħhom taħt l-iskema Community Development and Innovation.
Il-proġetti magħżula se jkunu qegħdin jgħinu lill-komunitajiet lokali billi jipprovdu kwalità ta' ħajja aħjar liċ-ċittadini u faċilitajiet aktar teknoloġiċi u innovattivi li se jtejbu l-operat tal-għaqdiet. Dan spjegah is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt l-indirizz tiegħu lil dawk preżenti.
“L-għaqdiet volontarji u non-governattivi li għandna madwar Malta u Għawdex qegħdin iwettqu xogħol imprezzabbli sabiex joħolqu l-ġid fil-komunità. Nafu bil-limitazzjonijiet finanzjarji tagħhom, u għalhekk, permezz ta' din l-iskema, bħala Gvern qegħdin ngħinu u ninċentivaw lil dawn l-għaqdiet sabiex ikomplu jikbru u jkabbru l-operat tagħhom għall-ġid komuni," qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Tkellmet ukoll iċ-Chairperson tal-Bord tal-għażla ta' din l-iskema, Antonella Gatt, li spjegat il-proċess rigoruż li bih ġew magħżula l-proġetti finali. “Il-ħolqien ta' din l-iskema huwa proprju sabiex tidħol it-teknoloġija fil-qalba tal-irħula u l-ibliet, mhux biss fuq livell nazzjonali. Għażilna l-iktar proġetti li bihom jista' jinħoloq ġid komuni, minn tfal żgħar fin-nurseries sportivi għal nies akbar fl-età u anzjani. Fl-aħħar mill-aħħar, minn dawn il-proġetti se jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha."
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en