STQARRIJA MINN FESTIVALS MALTA
Jum il-Vitorja - Diskors tat-8 ta' Settembru 2023
Diskors li kellu jsir waqt iċ-ċerimonja ta' Jum il-Vitorja mill-Ambaxxatur ta' Malta għal Franza, is-Sur Carmelo Inguanez, nhar is-6 ta' Settembru. Iċ-ċerimonja ġiet ridotta minħabba l-maltemp.
Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Sur Speaker,
Eċċellenzi,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Ħuti Maltin
Nistqarr li meta ċempluli biex nagħmel dan id-diskors kont sorpriż. Fil-ħajja professjonali tiegħi ta' ħidma diplomatika, għamilt ħafna diskorsi ġo fora internazzjonali, dejjem indirizzati lejn udjenza barranija. Illum hi opportunità unika u sabiħa għalija, kif ukoll il-pjaċir tiegħi, li nitkellem għall-udjenza prinċipalment Maltija.
Sinjuri, inħossni umli li ninsab quddiemkom sabiex flimkien infakkru żewġ ġrajjiet importanti fl-istorja ta' pajjiżna, l-Assedju l-Kbir tal-1565 u l-Assedju tat-Tieni Gwerra Dinjija - Jum il-Vitorja - festa tant għal qalbna l-Maltin u li tant għandha sinifikat mhux biss meta nħarsu lura lejn l-istorja kbira tagħna, imma anke meta nħarsu fil-preżent u fil-futur ta' pajjiżna u tan-nazzjon tagħna. Ġrajjiet li wrew il-qlubija, l-eroiżmu, il-patrijottiżmu, il-ħila, id-determinazzjoni u l-kuraġġ tal-Maltin. Din hi parti mill-identità tagħna, identità ta' pajjiżna li tiġbor fiha l-ħeġġa li negħlbu l-ostakoli u l-isfidi ta' dak kollu li hemm quddiemna.
Ħa nitkellem mill-angolu tiegħi. Bniedem li dejjem ħassu kburi jirrappreżenta lil pajjiżu u l-identità Maltija f'diversi bliet tad-dinja, fosthom ġewwa New York bħala Rappreżentant Permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti. Bniedem li ħadem tista' tgħid f'kull rokna tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin matul medda ta' 35 sena servizz, li 23 sena minnhom għamilhom barra pajjiżu. Bniedem li xogħlu laqqgħu ma' nies mill-inħawi kollha tad-dinja, ta' kulturi, reliġjonijiet u sensittivitajiet diversi. Għaldaqstant ma jistax jonqos li d-diskors tiegħi ma jolqotx ukoll temi dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali. Mill-bidu nett nixtieq nagħmilha ċara li dak li ħa ngħid huma l-ħsibijiet tiegħi, u tiegħi biss. Bl-ebda mod ma jistgħu jitqiesu bħala xi forma ta' direzzjoni uffiċjali jew politika tal-Gvern, wisq anqas li jorbtu l-amministrazzjoni tal-Gvern jew il-Gvern innifsu.
Sinjuri, pajjiżna hu ħolqa minn katina ta' pajjiżi oħra li biha hi magħmula d-dinja. Pajjiżna, żgħir kemm hu żgħir, hu parti integrali minn din id-dinja. Fi żmien meta d-dinja hi villaġġ globali, dak li jsir jew dak li ma jsirx, jolqot b'mod dirett jew indirett lil pajjiżna, il-mod ta' kif ngħixu ħajjitna, jew l-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet li nkunu fassalna fuq temi, kunċetti, u forsi wkoll fuq pajjiżi. Għalhekk it-tibdil fil-klima, it-tniġġis fil-baħar, il-protezzjoni tal-biodiversità fl-oċejani, l-immigrazzjoni, l-kisba tal-paċi, u t-tnaqqis tal-faqar, biex insemmi ftit fost oħrajn, huma kollha għanijiet globali, li huma parti integrali tal-miri nazzjonali fil-politika barranija tagħna.
Qed ngħid dan għaliex xi kultant ninsew id-distinzjoni bejn stat u pajjiż. Minkejja li d-daqs ta' pajjiżna huwa żgħir meta mqabbel ma' pajjiżi oħra, l-Istat Malti hu daqs stati oħra. Hu rikonnoxut bħala stat sovran bl-istess drittijiet daqs stati oħra. Hemm pajjiżi żgħar u kbar, imma l-istati huma kollha ndaqs. U dan jixhdu l-Artiklu 2 Kapitlu I tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li tgħid: « L-organizzazzjoni hi bbażata fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza sovrana tal-membri kollha tagħha. » Dan jitfa' piż fuqna – obbligi u responsabiltajiet. Għalkemm forsi mhux bl-istess mod u manjiera minħabba li r-riżorsi tagħna huma ferm anqas, irridu nkunu stat li jerfa' wkoll sehmu fl-obbligi bħal kull stat sovran ieħor, attur daqs ħaddieħor fid-dinja. Għalhekk huwa tajjeb li nkunu attur involut fit-tfassil tas-soluzzjonijiet globali għall-isfidi preżenti. Hu ta' ġid għal kulħadd, inkluż għalina, li nkunu attur involut ukoll fl-implimentazzjonijiet tagħhom.
Apparti s-sensiela ta' trattati u ftehim li għandna ma' stati oħra, m'hemm xejn affermazzjoni aqwa u aktar għolja tal-Istat Malti mill-pożizzjoni li għandu bħalissa bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Hemm ħafna sfidi, illum aktar minn qatt qabel. Dħalna fi żmien diffiċli imma dan ħa jkun parti mill-kontribut tagħna. Tajjeb hawn li nfakkar x'kien qal it-tieni Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Dag Hammarskjold, f'Mejju tal-1954 - silta li għadha mniżżla mal-ħitan ta' wieħed mill-kurituri tas-Segretarjat ta' din l-Organizzazzjoni universali ġewwa New York. Hu kien qal hekk : « In-Nazzjonijiet Uniti ma ġietx imwaqqfa biex tieħu l-umanità fil-ġenna, imma biex issalva l-umanità mill-infern. » Kemm hu veru l-każ! Aktar minn qatt qabel illum!
L-esperjenza tiegħi fid-diplomazija, ġegħlitni nara il-verità ħarxa. Kif jgħidu: Jgħaddu għexieren ta' snin fejn ma jiġri xejn, u jgħaddu ġimgħat fejn għexieren ta' snin iseħħu. Illum, id-dinja qed tkun aktar perikoluża u anqas prevedibbli. Filwaqt li l-pjattaformi tektoniċi tal-qawwiet il-kbar qed jiċċaqalqu taħt saqajna, minħabba diversi raġunijiet ġeo-politiċi u anke minħabba r-rivoluzzjoni teknoloġika, qegħdin ukoll naraw ir-ritorn ta' pika bla rażan bejn il-qawwiet il-kbar. In-numru ta' konflitti madwar id-dinja mhux riżolti żdied, saħansitra illum għandna gwerra fuq l-għatba tagħna. Filwaqt li r-riżorsi tad-dinja qed jiġu mnaqqra u mhedda, il-popolazzjoni dinjija laħqet iċ-ċifra ta' 8 biljuni. Qed nassistu għat-tiġrija għal min ħa jkollu l-vantaġġ l-aktar b'saħħtu fl-ispazju. L-istituzzjonijiet maħluqa mill-arranġamenti ta' Bretton Woods - il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji – li kienu joffru stabilità u għodda ta' kummerċ internazzjonali, m'għadhomx aktar addattati għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha ħafna pajjiżi, fosthom dawk il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati. Id-dinja tinsab f'diżordni ġdid.
Fuq dan kollu, issa bdejna naraw li t-tliet mekkaniżmi ta' sikurezza li kienu ftit jew wisq jipproteġu l-ordni dinji, m'għadhomx jiffunzjonaw. L-ewwelnett ma hawnx aktar volontà li nirrispettaw it-trattati internazzjonali u li nħaddmu l-multilateriżmu. Għall-kuntrarju qed immorru pjuttost lura għall-unilateraliżmu. It-tieni, m'għandniex sistema solida u b'saħħitha ta' governanza internazzjonali. U t-tielet u din hi l-aktar ħaġa inkwetanti, li m'għadx hawn ir-rieda vera u l-isforz ġenwin bejn in-nazzjonijiet biex insibu pożizzjoni komuni.
Is-sitwazzjoni llum hi oġġettivament perikoluża u kull kriżi serja internazzjonali għandha l-potenzjal li tinħareġ barra kull kontroll. Nixtieq hawn nagħmel osservazzjoni. Il-multilateraliżmu ma jiddgħajjifx biss għax stat jiddeċiedi għal rasu u ma jagħtix każ ta' qbil jew ta' ftehim internazzjonali. Dik daqqa kbira. Imma jiddgħajjef ukoll kull darba li stat jivvota fuq kunsiderazzjoni ta' interess nazzjonali biss fil-fora internazzjonali.
Il-mandat prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti hu ż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Fid-dawl ta' dak kollu li qed jiġri madwarna, xi wħud malajr jgħidulek li n-Nazzjonijiet Uniti tirrifletti l-problemi tad-dinja imma ma ssollvihomx. Oħrajn jgħidulek li n-Nazzjonijiet Uniti hija forza għad-demokratizzazzjoni imma hi stess mhix organizzazzjoni demokratika. Ftit huma dawk li jgħidu li fin-Nazzjonijiet Uniti huma l-istati membri li jgħoddu; huma l-istati li fl-aħħarnett jiddeċiedu jekk in-Nazzjonijiet Uniti tfalli jew tirnexxi. Li hu żgur hu li wasal iż-żmien għal riforma mill-qiegħ u din id-darba ir-riforma trid tinkludi r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà. Minkejja li ilna għexieren ta' snin niddiskutu din ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà, s'issa m'hemmx ftehim. Il-ġrajjiet internazzjonali ta' llum qanqlu l-pedamenti politiċi li fuqha hi mfassla l-Karta tal-Nazzjonijiet Uniti. Iż-żminijiet tal-lum qed jikkumplikaw u jġibu aktar fid-diffikultà l-kompromess meħtieġ biex jintlaħaq ftehim dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà.
Sinjuri, kif ħafna jafu, huwa r-rikonnoximent tal-Istat illi jagħmlek stat sovran. Kuntrarju għal dak li forsi wieħed jaħseb, nemmen li s-sovranità ta' Malta kibret u mhux naqset meta dħalna membri fl-Unjoni Ewropea. Li taqsam biċċa mis-sovranità tiegħek ma' ħaddieħor, u li ħaddieħor jaqsam is-sovranità tiegħu miegħek, fuq ċerti oqsma, hu eżerċizzju li jwassal għal sovranità aktar wiesgħa u profonda. Tiswa kemm tiswa s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea - f'kull forma ta' prezz - konvint li fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom, Malta ma tistax tibqa' waħedha, jew f'xi ftehim dgħajjef u anqas marbut.
L-Ewropa qed tiffaċċja deċiżjoni eżistenzjali. Xi trid l-Ewropa ? Trid tibqa' attur sħiħ u indipendenti fid-dinja, b'viżjoni u politika separata tagħha? Jew trid li tirrelega ruħha u tpoġġi lilha nnfisha, bħala xhieda jew spettatur importanti tar-rivalità bejn is-superpotenzi, jew l-agħar ħaġa, li tkun il-kontinent fejn dawn is-superpotenzi jilagħbu l-logħba tagħhom? Hi l-konvinzjoni tiegħi li l-Ewropa għandha r-responsabbilità storika u l-mezzi u riżorsi meħtieġa biex tkun waħda miċ-ċentri prinċipali ta' azzjoni u influwenza fid-dinja multipolari. Jidher li l-mixja f'din id-direzzjoni diġà bdiet u ġiet aċċellerata bil-gwerra fl-Ukrajna. Jidher li mhux biss il-mixja hi waħda ta' industrijalizazzjoni Ewropea, ta' indipendenza tat-teknoloġija avvanzata imma anke ta' indipendenza ekonomika f'termini l-aktar wiesgħa. Aktar minn hekk, jidher li f'din l-istess mixja, l-Ewropa qed tħares lejn tkabbir ieħor fi ħdanha li jista' jwassal għal Unjoni Ewropea magħmula minn 35 membru.
Hu fatt li l-Unjoni Ewropea tal-futur ma tistax taħdem bir-regoli tal-Unjoni tal-lum. Hemm diġà diskors informali imma qawwi, li sabiex l-Ewropa tkun tista' taġixxi b'effiċjenza u b'effettività, fejn jirrigwarda l-proċeduri li bihom jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-politika komuni tal-affarijiet barranin u sigurtà, dawn id-deċiżjonijiet ma jibqgħux jittieħdu b'vot unanimu. X'jiswa jekk aħna nkunu newtrali meta d-deċiżjonjiet li ser jittieħdu fl-Unjoni Ewropea ħa jkunu b'maġġoranza ? Qed ngħid hekk għax hu loġiku li wieħed jistenna li f'każ tat-tneħħija tal-vot unanimu, titneħħa wkoll l-opzjoni tal-astensjoni kostruttiva, għax ma jibqax il-bżonn għaliha. Jekk dan iseħħ, wieħed irid jistaqsi jekk il-kunċett tan-newtralità huwiex superfluwu għaliex ser ikollna nobdu u nirrispettaw xorta waħda d-deċiżjonijiet meħuda b'maġġoranza. Hemm ċans, għalkemm nħoss li hu żgħir, li jista' jkun hemm xi tip ta' kompromess fis-sens li l-Unjoni żżomm f'xi forma jew oħra, l-kunċett li hemm illum tal-ispirtu tas-solidarjetà mad-deċiżjonijiet maqbula. Imma anke jekk jiġri dan, jibqa' l-fatt li l-probabbilità hi li l-pajjiżi marbutin kostituzzjonalment man-newtralità ħa jkunu aktar f'pożizzjoni skomda dwar kif ħa jirrikonċiljaw l-aspetti tal-politika komuni tal-affarijiet barranin u sigurtà Ewropea mal-provvedimenti kostituzzjonali tagħhom.
Bla dubju n-newtralità tagħmel sens meta jkun hemm tilwim bejn żewġ stati terzi. Ma nafx kemm tkun effettiva meta l-pajjiż newtrali nnifsu jinqabad fit-tilwim jew jiġi mhedded. Iżjed ma nafx, meta jkun hemm każ ta' vjolazzjoni tal-prinċipji fundamentali tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Għax dan il-kunċett, sabiħ kemm hu sabiħ, nobbli kemm hu nobbli, jiddependi wisq aktar mill-volontà ta' ħaddieħor milli tiegħek. Din mhix kwistjoni li ma nixtiqux li jkun hawn il-paċi fid-dinja. Dażgur li nixtiequ l-paċi fid-dinja u għandna naħdmu għaliha. Imma ma nistgħux ma nagħrfux li d-dinja tbiddlet; meta l-preżent mhuwiex bħall- passat, u meta l-futur ħa jkun ukoll differenti m'illum. Jekk aħna ma nkunux dinamiċi anke fi ħsibijietna nitilfu kull sens ta' aġilità fil-politika barranija tagħna.
Jiena ċert li Malta mhux ser tibża' mill-ebda diskussjoni f'dan ir-rigward. Fiduċjuż li pajjiżna ħa jilqa' din l-isfida b'moħħ miftuħ u jistudja sew l-prijoritajiet tagħna bl-iskop li kif dejjem għamel, idawwar din l-isfida f'vantaġġ nett għal pajjiżna. Sinjuri, bħalma fir-relazzjonijiet internazzjonali rridu nħarsu lejn il-politika barranija bil-lenti aktar wiesgħa, dik globali, u mhux biss fuq bażi nazzjonali, hekk ukoll fix-xena domestika rridu npoġġu quddiem għajnejna l-istampa kollha, il-kwadru ħolistiku, meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet jew nfasslu politika fuq qasam partikolari. Ma nistgħux nieħdu deċiżjoni fuq bażi settorali biss jew fuq bażi ta' kategorija waħda ta' nies. Irridu naraw li kull deċiżjoni li nieħdu isservi biex tkun ta' ġid għall-aktar firxa possibbli tas-soċjetà tagħna, mhux biss issa, imma wkoll 'il quddiem – jekk verament irridu nkunu sostenibbli.
Bħalma għelibna sfidi kbar fil-passat, hekk ukoll nistgħu nagħmlu dan illum. L-isfidi tal-lum forsi m'humiex daqshekk viżibli u forsi wkoll ma jinħassux daqshekk urġenti. Imma huma sfidi li għal ġid ta' pajjiżna, ma nistgħux ma nagħtux kashom. Għalhekk hi r-responsabbilità tagħna li naraw li f'kull deċiżjoni li nieħdu ma ngħabbux wisq konsegwenzi fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna. Irridu nassiguraw li l-wirt li nħallulhom ma jkunx wieħed aktar diffiċli u kkumplikat. Kulħadd għandu jifhem il-ħtieġa li ma naħarqux iżżejjed ċerti muturi importanti tal-ekonomija tagħna. Ejjew inkunu attenti aktar fl-ippjanar tagħna ħalli il-poplu tagħna jibqa' jkollu wesgħat adegwati fejn ikun jista' jippassiġġa, ipoġġi bilqiegħda fuq bank, jew igawdi l-baħar sabiħ tagħna, mingħajr xkiel għal ħaddieħor, u fuq kollox li jagħmel dan mingħajr ħlas. Ejjew noqgħodu attenti biex ma naslux f'mument fejn f'ċerti oqsma, l-arloġġ ma nkunux nistgħu nreġġawh lura. Nixtieq li bħala poplu, nagħmlu sforz akbar biex inħaddnu il-bżonnijiet ta' min hu anqas ixxurtjat minna – kemm f'nuqqas ta' flus kif ukoll f'nuqqas ta' abilità u saħħa. Ejjew nagħrfu aktar l-importanza u l-ħtieġa li nirrispondu b'urġenza għall-każijiet umani tas-soċjetà tagħna. Irridu dejjem niftakru li s-sisien tas-soċjetà tagħna hu l-bniedem bħala parti mill-umanità. Ejjew ma ninsewx li kulħadd ġo pajjiżna - Malti jew mhux, ġej minn fejn ġej, u ġie kif ġie - irid iħobb u li jrid ikun maħbub. Kulħadd għandu jagħmel sforz akbar biex juri rispett għal ħaddiehor. Nixtieq li nkunu anqas kattivi ma' xulxin u anqas goffi fi kliemna u f'kitbitna. Fl-aħħarnett, ejjew ma naħsbux biss fuq il-bażi ta' issa imma naħsbu wkoll fuq il-bażi ta' għada. Jidhirli li wasal iż-żmien li lkoll kemm aħna bħala poplu wieħed, għandna neżaminaw bir-reqqa fejn irridu naslu bħala nazzjon u bħala pajjiz tletin sena oħra, ħamsin sena oħra u aktar.
Kulħadd għandu moħħ biex jifhem. Persważ li kulħadd hu konxju minn dan. Ma nistgħux inħallu li l-vantaġġi li għandna bħala pajjiż ta' territorju limitat, jinbidlu fi żvantaġġi. Hemm bżonn ukoll li nfiehmu lill-poplu tagħna li wasal iż-żmien li nieħdu deċiżjonijiet diffiċli biex insaħħu s-sostennibilità fit-tul ta' pajjiżna. Jekk ma nagħmlux dan, wisq nibża li wliedna u wlied uliedna, ħa jkollhom jieħdu deċiżjonijiet aktar diffiċli, b'konsegwenzi aktar iebsa. Irridu nxekklu l-assedju mentali li qed joħnoq il-ħsieb ħieles. F'dan il-pajjiż, jekk ser immorru lura, kulħadd ħa jinżel, anke dak li forsi bħalissa qed jaħseb li qed imur tajjeb. Jekk ser immorru 'l quddiem, kulħadd ser jitla'. F'pajjiżna nqumu jew naqgħu bħala nazzjon wieħed, bħala poplu wieħed. Ejjew mela nirreżistu t-tentazzjoni tal-ispirtu partiġġjan u tal-immaturità.
Minkejja kollox, għandi fiduċja fil-futur u ħafna fiduċja f'pajjiżna. Malta kellha u għad għandha potenzjal enormi. Il-poplu tagħna kapaċi josserva u jixtarr. Jaspira, u għandu l-ħila li jwettaq. L-appell tiegħi imur għaż-żgħazagħ tagħna, l-mexxejja t'għada. Żgħażagħ intelliġenti. Żgħażagħ ħabrieka u ħawtiela. Nħeġġiġhom biex jiddevertu aktar fil-qari u fit-tagħlim tal-lingwi. Nixtieq li ż-żgħażagħ tagħna, filwaqt li japprezzaw l-iswed u l-abjad, jagħrfu wkoll li hemm ħafna griż bejniethom. Fuq kollox nixtieq li ż-żgħażagħ tagħna jkunu kburin li huma Maltin, li jħobbu lsienhom u li jħobbu lil pajjiżhom.
It-tama tiegħi hi li l-ġenerazzjoni żagħżugħa jaraw lid-dinja bħala parti minnhom, bħala l-ħabiba tagħhom. U li jridu li Malta tkun maħbuba mid-dinja u li Malta tħobb lid-dinja.
Agħti, Kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha,
Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa 'l ħaddiem.
Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-Sliem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en