STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Is-sistema edukattiva f’pajjiżna se tkun qed tiżboq kull mira fejn jidħlu ħiliet bażiċi u dawk transversali
Il-konferenza SkillScape Malta tiddiskuti l-ħiliet kruċjali li għandu bżonn pajjiżna għall-futur tax-xogħol
Fi żmien li qed titfassal L-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet organizza konferenza biex tiddiskuti l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet, l-adattabilità u prattiċi edukattivi u ta’ taħriġ li jħarsu ’l quddiem f’dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel.
Il-konferenza, bl-isem ta’ SkillScape Malta, ġibdet l-attenzjoni ta’ numru ta’ akkademiċi, esperti tal-industrija, edukaturi u politiċi li lkoll għarfu l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet proprju fis-Sena Ewropea tal-Ħiliet.
Espert minn King’s College f’Londra rikonoxxut madwar id-dinja, Dr Daniel Susskind tkellem dwar l-importanza li wieħed jadatta l-ħiliet tiegħu f’dinja tax-xogħol li kull ma jmur qed tinbidel. Fid-diskors tiegħu qal li l-isfidi u l-opportunitajiet miġjuba mill-avvanzi teknoloġiċi mgħaġġla jkollhom impatt fuq ir-rekwiżiti tal-ħiliet.
Matul il-konferenza, il-kelliema wrew il-bżonn li fost aspetti oħra, il-futur tal-edukazzjoni għandu jagħti prijorità lill-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, pedagoġiji innovattivi, u sistemi ta’ assessjar ħolistiċi, li kollha jridu jevolvu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dinja dinamika tax-xogħol. Ġie enfasizzat is-sinifikat tal-investiment fit-tagħlim korporattiv, u edukazzjoni avvanzata u ogħla dwar l-iżvilupp tal-ħiliet għat-tranżizzjoni doppja. It-tranżizzjoni doppja tenfasizza kemm trasformazzjonijiet fl-industriji diġitali kif ukoll ħodor.
SkillScape Malta tefgħet dawl fuq is-sinifikat ewlieni tal-ħiliet transversali, li huma ħiliet li jgħinu lill-impjegat jadatta f’sitwazzjonijiet varji fil-ħajja jew fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-ħiliet, magħrufa għat-trasferibbiltà tagħhom madwar l-industriji, ġew ippruvati li huma l-pedament tal-preżent u l-futur tax-xogħol. Investiment kontinwu fl-iżvilupp ta’ ħiliet transversali huwa kruċjali, biex jiġi żgurat li l-individwi jkunu mgħammra b’ħiliet versatili bħar-reżiljenza, l-adattabilità, il-ħsieb kritiku u l-kreattività, biex jinnavigaw il-futur tax-xogħol li dejjem qed jevolvi.
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li “Din il-konferenza qed issir fi żmien li qed infasslu dik li se tkun il-pedament tal-edukazzjoni għall-ġejjieni: L-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni. Qed naħdmu biex is-sistema edukattiva tagħna tiżboq kull mira fejn jidħlu ħiliet bażiċi u dawk transversali biex tipprovdi l-għodod meħtieġa lill-istudenti tagħna u tagħtihom is-setgħa jkomplu jitgħallmu, ikunu ċittadini attivi u jiksbu l-milja tagħhom.”
Dr Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, stqarr, “Bħala parti mill-pjan ta’ ħidma tagħna, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet huwa impenjat li jiżviluppa Strateġija Nazzjonali tal-Ħiliet li se tindirizza l-ħtiġijiet relatati mal-ħiliet iżda wkoll tallinja mal-istrateġiji lokali oħrajn relatati, sabiex nenfasizzaw approċċ ħolistiku għall-iżvilupp tal-ħiliet.”
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella enfasizza li “il-ħidma li qed issir mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet tikkumplimenta t-trasformazzjoni li qed issir fis-sistema edukattiva fejn l-approċċ hu wieħed li jpoġġi l-persuna fiċ-ċentru. Dan iwassal sabiex b’mod kollaborattiv nistgħu nwasslu l-istudenti tagħna għal żvilupp ħolistiku, fosthom li jiksbu l-ħiliet tas-seklu 21”.
Il-Konferenza SkillScape Malta serviet bħala pjattaforma għan-netwerking, konsultazzjoni u skambju ta’ għarfien fost l-imsieħba soċjali marbuta mal-iżvilupp ħolistiku tal-ħiliet. Il-konferenza ttenni l-missjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet li jmexxi aġenda tal-ħiliet, ibbażata fuq l-evidenza, għall-impjegabbiltà, l-inklużjoni soċjali u l-benesseri, lil hinn mill-konfini ta’ avveniment wieħed.
Għal aktar informazzjoni kkuntattja: pr.nsc@gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en