STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Tittella’ l-ewwel konferenza Eurodesk għaż-żgħażagħ f’Malta: Create Your Shape, Extend Your Potential
Aġenzija Żgħażagħ tellgħet l-ewwel konferenza Eurodesk f'Malta bit-tema 'Create Your Shape, Extend Your Potential'. Din il-konferenza laqqgħet diversi żgħażagħ jew nies li jaħdmu maż-żgħażagħ minn diversi għaqdiet lokali u barranin sabiex flimkien jiddiskutu u joħorġu b'ideat għall-ġid taż-żgħażagħ.
Permezz ta' numru ta' workshops immexxija mill-youth workers t'Aġenzija Żgħażagħ, dawk preżenti kellhom il-possibbiltà jiltaqgħu ma' persuni oħra li jaħdmu fl-istess settur taż-żgħażagħ biex b'hekk joħolqu opportunitajiet ta' kollaborazzjoni bejniethom u jaqsmu ħsibijiet ta' kif jista' jintlaħaq il-potenzjal taż-żgħażagħ għall-benefiċċju individwali u tas-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza tal-ħidma ta' voluntiera maż-żgħażagħ. “Nistgħu biss nilħqu l-aspettattivi li għandna għaż-żgħażagħ tagħna grazzi għax-xogħol bla waqfien u ddedikat tal-voluntiera. Mingħajr din il-ħidma żgur li aħna bħala gvern ma nkunux nistgħu nwettqu l-pjanijiet li ħejjejna għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin," tenna s-Segretarju Parlamentari.
Huwa ħeġġeġ liż-żgħażagħ jesperimentaw u jiftħu l-orizzonti tagħhom sabiex ikomplu jikbru u jiżviluppaw kemm personalment kif ukoll fuq livell professjonali. “Il-pajjiż għandu bżonn l-impenn żagħżugħ sabiex ikompli jikber u jespandi, mhux biss fuq sfera lokali, iżda wkoll internazzjonalment fuq livell ma' pajjiżi oħra," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li, “Din il-konferenza qiegħda tlaqqa' l-istakeholders fl-industrija taż-żgħażagħ sabiex mhux biss insibu u nilħqu l-potenzjal ta' kull żagħżugħ u żagħżugħa f'Malta, iżda nestendu u nkabbru dan il-potenzjal. B'hekk it-tema 'Create your shape, Extend your potential'."
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en