STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Għarfien finanzjarju u soċjali akbar fost it-tfal
Il-pjattaforma diġitali u finanzjarja ĠEMMA fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, flimkien mal-Fondazzjoni HSBC Malta ikkollaboraw fuq proġett immirat lejn it-tfal li pparteċipaw fi SkolaSajf. Din is-sena, 2,500 tifel u tifla ta' etajiet differenti bejn 8 u 15-il sena li attendew SkolaSajf kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, ħadu sehem fl-attività “Piece by Peace".
Waqt dawn is-sessjonijiet, tmexxa 'l quddiem il-kunċett tar-responsabbiltà soċjali fejn it-tfal ingħataw aktar għarfien dwar deċiżjonijiet finanzjarji li għandhom jieħdu u kif dawn jirriflettu l-prinċipji soċjali u ambjentali, fost oħrajn.
Tim ta' edukaturi flimkien ma' voluntiera mill-HSBC ħadmu fuq dan il-proġett biex joħolqu u jagħtu sessjonijiet interattivi ta' taħriġ li kienu prattiċi, hands-on u fl-istess waqt divertenti u interessanti għat-tfal. Tnediet ukoll kompetizzjoni biex it-tfal f'timijiet ta' erbgħa, joħolqu poster ta' kumpanija immaġinarja tagħhom.
Nhar it-Tlieta filgħodu, ingħataw tliet premji lill-gruppi ta' studenti, illi rnexxielhom joħolqu l-aktar ideat innovattivi u ħejjew poster b'erba' inizjattivi ewlenin, ilkoll marbuta mar- responsabbiltà soċjali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-interess kontinwu f'dan il-kunċett ta' għarfien finanzjarju saħansitra fost it-tfal u l-adoloxxenti. Il-ministru saħaq illi dan il-gvern se jkompli jibni kollaborazzjonijiet, anke mal-privat, sabiex iħeġġeġ infiq sostenibbli.
“Nifhmu l-pressjonijiet li jiffaċċjaw il-ġenituri sabiex jixtru lill-uliedhom l-aqwa u l-aħjar, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-qasam edukattiv kif ukoll ma' affarijiet materjali li jkunu jixtiequ t-tfal. Però huwa tajjeb li nkunu ta' eżempju u nuruhom li kull deċiżjoni trid issir bi ħsieb u pjanar, u li ma titfax pressjoni finanzjarja fil-jiem ta' wara," temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en