STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Tbaħħir għal kulħadd: AGORA Malta tippreżenta dgħajsa paralimpika lir-Royal Malta Yacht Club
L-isforzi ta’ Yachting Malta biex tippromwovi l-inklużjoni fl-isport tal-ibburdjar ilu proġett kontinwu mill-2022, minn meta xtrat l-ewwel tliet dgħajjes, Hansa 303, u ppreżentathom lit-tlieta mill-erba’ skejjel tat-tbaħħir f’Malta.
Wara din l-inizjattiva ta’ Yachting Malta, ir-raba’ dgħajsa, Hansa 303, ġiet ippreżentata lir-Royal Malta Yacht Club minn AGORA Malta, organizzazzjoni volontarja tan-nisa, rappreżentata minn 208 klabb f’24 pajjiż differenti.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt żjara lir-Royal Malta Yacht Club biex jitfakkar dan l-avveniment.
Il-filosofija ta’ servizz tal-għaqda AGORA flimkien mal-inizjattiva ta’ Yachting Malta li tippromwovi l-inklussività ġiet milqugħa mill-membri fil-komunità tal-ibburdjar. Il-fondi meħtieġa nġabru permezz ta’ żewġ avvenimenti organizzati minn Agora s-sena l-oħra.
“L-isports fil-baħar ilu għal żmien twil simbolu ta’ libertà u avventura, li jippermetti lill-individwi jisfruttaw il-qawwa tar-riħ u jesploraw il-firxa vasta tal-baħar. Għal individwi b’diżabilità, il-ħolma tat-tbaħħir tista’ tidher imbegħda, iżda bis-saħħa tal-innovazzjonijiet fl-isports adattivi, dik il-ħolma qed issir realtà”, qalet il-President ta’ AGORA Malta, Nikki Dandria Griscti.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan l-investiment huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba li jkompli jikkonsolida l-inizjattivi meħuda minn Yachting Malta fl-2022. “Inizjattivi bħal dawn huma parti mill-iżvilupp tas-settur tal-ibburdjar bħala niċċa ekonomika aċċessibbli u sostenibbli. B’hekk qed jibbenefikaw kemm l-isport kif ukoll it-turiżmu, żewġ setturi importanti f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Id-dgħajsa Hansa 303, li tbaħħar f’aktar minn 28 pajjiż, hija ta’ livell dinji u eżempju brillanti ta’ inklussività. Dan grazzi għad-disinn adattiv tagħha li jaħseb għal firxa wiesgħa ta’ diżabilitajiet.
“F’soċjetà li qed tirrikonoxxi dejjem aktar l-importanza tad-diversità u l-aċċessibbiltà, Hansa 303 tfakkarna li l-ostakli jistgħu jinkisru u l-orizzonti jitwessgħu. Hekk kif din il-klassi ta’ dgħajjes tal-qlugħ eċċezzjonali qed tkompli tagħmel impatt fid-dinja tal-isports adattivi, qed nuru li r-riħ m’għandux limiti, u lanqas l-aspirazzjonijiet tagħna,” spjega l-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta, Michael Mifsud.
L-isforzi kontinwi ta’ Yachting Malta biex tippromwovi l-baħar għal persuni b’diżabilità nfirxu aktar bit-tnedija tal-inizjattiva ‘Sailability’ li biha qed tgħin lill-iskejjel tal-ibburdjar biex jiżviluppaw aktar dan l-isports.
Għall-preżentazzjoni attendew il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, u ċ-Chairman ta’ Yachting Malta, Chris Agius.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en