STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Jitlestew mal-elf każ ta’ tiswija strutturali f’appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali
Investiment ta' ftit aktar minn €4 miljun li jassigura kwalità ta' ħajja aħjar għall-familji Maltin
Minn April tal-2022 sal-lum, l-Awtorità tad-Djar ikkonkludiet mal-elf każ ta' tiswija strutturali f'appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali. Minbarra dawn ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni u tiswijiet, tlestew ukoll mas-780 każ ta' tiswija u tibdil f'sistemi tad-drenaġġ, elettriku, aperturi, madum u meter cupboards fil-partijiet komuni ta' blokok ta' akkomodazzjoni soċjali.
Dan ġie żvelat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes f'konferenza tal-aħbarijiet, li matulha spjega li l-Awtorità tad-Djar investiet ftit aktar minn €4 miljun. Huwa spjega li “Dan l-investiment jassigura kwalità ta' ħajja aħjar u jipprovdi ambjent ta' livell aħjar lill-familji tagħna f'residenzi li għal dawn l-aħħar snin servew ta' servizz soċjali."
Il-Ministru Roderick Galdes semma li twettqu wkoll 300 intervent ta' emerġenza biex jitneħħa periklu, kif ukoll saru aktar minn 100 test biex ikunu determinati sorsi ta' dħul tal-ilma biex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet neċessarji.
Huwa kkonkluda billi fakkar li kien Gvern Laburista li investa biex isiru x-xogħlijiet ta' manutenzjoni u tiswijiet għall-ġid tal-familja Maltin li jgħixu fi blokok ta' akkomodazzjoni soċjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa saħaq li bħala awtorità jemmnu fis-sostenibbiltà u fl-għajxien diċenti ta' kull ċittadin. “B'hekk nibqgħu kommessi li nieħdu ħsieb u nirriġeneraw il-binjiet eżistenti tagħna għall-ħtiġijiet tal-lum. Dan ma jsirx biss għall-benefiċċju tar-resident imma anke għall-komunitajiet tal-madwar," ikkonkluda jgħid is-Sur Zerafa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en