STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Klabbs Għawdxin jibbenefikaw minn skema tal-Gvern biex ikattru l-operat tagħhom
Permezz ta' żewġ ftehim li ġew iffirmati llum, l-Otters Aquatic Sports Club u l-klabb tal-futbol Xewkija Tigers issa jinsabu f'pożizzjoni aħjar biex joperaw u biex jinvestu kemm fil-klabb kif ukoll fl-atleti u l-isportivi tagħhom rispettivament.
Iż-żewġ klabbs se jgawdu mill-Iskema ta' SportMalta, fejn il-Gvern qed jagħti sussidju ta' 95% fuq l-akkwist ta' artijiet tal-Gvern biex jiġu konvertiti f'faċilitajiet sportivi. Il-kera li titħallas mill-klabb, titpoġġa fi 'Sports Fund' li jiġi utilizzat għal aktar investiment fl-isport lokali.
L-ewwel ftehim li ġie ffirmat huwa dak bejn SportMalta u Otters Aquatic Sports Club, li permezz tiegħu tliet boathouses fiż-żona ta' Marsalforn għaddew għand il-klabb b'ċens għal 45 sena. Permezz tal-iskema ta' SportMalta, il-klabb se jħallas ċens ta' €120 fis-sena minflok il-valur attwali ta' €2,400.
It-tieni ftehim huwa dak bejn SportMalta u l-klabb tal-futbol Xewkija Tigers, li permezz tiegħu art b'kejl ta' madwar 400.5 metru kwadru għaddiet lil dan il-klabb b'ċens għal 45 sena. Din l-art se tkun qed tintuża bħala uffiċini. Permezz tal-iskema ta' SportMalta l-ammont totali ta' kera li l-klabb se jħallas fis-sena huwa ta' €225, minflok il-valur attwali ta' €4,500.
Il-ftehim ġew iffirmati f'żewġ avvenimenti separati u kienu preseduti mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Il-Ministru Clifton Grima qal, “Il-klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi jħallu ġid fis-soċjetà Maltija u fit-tfal tagħna. Qed naraw li nagħtu kull għajnuna u opportunità possibbli biex naraw lil dan is-settur ikompli jikber. Dan qed nagħmluh mhux biss bl-investiment massiċċ li qed nagħmlu fuq skala nazzjonali, imma wkoll dirett lill-klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi. Din tal-lum hija parti minn sensiela ta' inizjattivi li l-Gvern qed jieħu biex naraw lill-klabbs Maltin jilħqu l-potenzjal tagħhom u jkomplu jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija."
Il-Ministru Clint Camilleri qal, “Il-ftehim li ġew iffirmati llum juru l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin lill-assoċjazzjonijiet u lill-għaqdiet sportivi Għawdxin. Din l-għajnuna tirrifletti l-pjan u l-viżjoni tagħna li nkomplu nsaħħu s-settur sportiv u ngħollu l-livell sportiv fil-gżira Għawdxija, filwaqt li nkomplu ninvestu fl-isports u fl-isportivi tagħna."
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Chairman ta' SportMalta Matthew Pisani qal li SportMalta impenjata li tara li s-settur sportiv u dawk kollha involuti jingħataw l-għajnuna kollha possibbli, mhux biss biex ikompli jogħla l-livell nazzjonali imma wkoll fuq skala ta' klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en