STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-Oppożizzjoni ma tafx kif taħdem l-industrija tal-films
L-Oppożizzjoni ma għandiex idea dwar kif jaħdem l-inċentiv ta' cash rebate offrut lill-industrija tal-films dan fl-istess waqt li kompliet għaddejja b'attakk sistematiku fuq l-istess industrija biex uriet li moħħha biss biex itellef ix-xogħol tal-Maltin u Għawdxin fil-films, teqred l-investiment, u ttappan s-suċċessi kollha li inkisbu fl-industrija.
L-Oppożizzjoni ma tafx li kull film li jgawdi minn cash rebate huwa suġġett għal awditjar rigoruż minn kumpanija indipendenti mill-Gvern, u huwa biss wara li l-produzzjoni tgħaddi mill-iskrutinju li l-cash rebate jiġi approvat b'konformità ma' regoli Ewropej. Propju l-iskrutinju serju ta' din l-iskema hija dik li ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta' pajjiżna f'dan ir-rigward u tkompli tassigura x-xogħol u l-ħolqien tax-xogħlijiet marbuta mal-industrija tal-films f'pajjiżna.
Il-cash rebate ta' Malta jassigura l-kompetittività ta' pajjiżna fis-suq globali tal-films u huwa surreali li l-Oppożizzjoni trid capping fuq il-cash rebate, li jfisser li jiġi limitat ix-xogħol f'pajjiżna b'riskju li l-industrija terġa' tispiċċa waħda bl-iskossi, jintilfu x-xogħlijiet u l-crew Malti u Għawdxi jmur jirreġistra. Illum hawn aktar minn 1,300 persuna li jaħdmu fil-films u din l-industija tgawdi minn produzzjonijiet back-to-back li qegħdin joħolqu bosta xogħlijiet għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Huwa propju l-cash rebate li jassigura li l-maġġoranza kbira ta' ħaddiema fuq dawn il-films ikunu Maltin.
L-Oppożizzjoni wriet li ma għandhiex idea dwar kif jaħdem il-cash rebate meta allegat li l-cash rebate ta' Malta jinħareġ fuq flus li produzzjoni ma tkunx nefqet f'Malta, jiġifieri li fuq produzzjoni li b'kollox tiswa €100 miljun u l-produzzjoni tiddeċiedi li tonfoq biss €30 miljun f'Malta, pajjiżna jagħti lura €40 miljun lura u jispiċċa b'defiċit ta' €10 miljun. Din hija fabrikazzjoni oħra assurda ta' Oppożizzjoni li qed tigdeb jew ma tafx kif isiru l-affarijiet.
Quddiem l-aġir perikoluż ta' Oppożizzjoni irresponsabbli, il-Gvern jibqa' kommess li jkompli jinvesti fl-industrija tal-films, jinċentiva x-xogħol, u joħloq industrija sostennibli li jgawdi minnha kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en