STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI, MIS-SEGRETARAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U MIS-SEGRETAJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
B'investiment ta' €1.9 miljun, Infrastructure Malta (IM) lestiet il-bini mill-ġdid tal-breakwater u l-mollijiet fin-naħa ta' ġewwa tal-bajja ta' Marsaskala.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, waqt żjara fuq is-sit tal-proġett.
Dan il-proġett, li kien ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, beda bir-rikostruzzjoni ta' 140 metru ta' mollijiet tul Triq San Ġorġ, qrib il-Knisja Parrokkjali ta' Marsaskala. Dawn il-mollijiet huma popolari fost ir-residenti ta' Marsaskala u l-viżitaturi, b'mod speċjali għall-għawm u l-mixjiet mal-baħar. Wara għexieren taʼ snin taʼ erożjoni tal-baħar, nqassmu l-uċuħ tal-konkos tal-pedamenti tal-mollijiet u fl-aħħar snin, partijiet minnhom waqgħu fil-baħar. IM reġgħet bniet dawn il-mollijiet b'disinn ġdid u aktar sigur, inkluż ħajt għall-mewġ biex jipproteġi lil dawk li qed jimxu u l-binjiet ta' faċċata.
It-tieni fażi tax-xogħol kienet tinkludi l-konsolidazzjoni u l-bini mill-ġdid tal-breakwater, li kien mibni mat-80 sena ilu, li jagħti kenn lil din il-parti tal-bajja. Filwaqt li l-istruttura ta' taħt il-baħar tan-naħa ta' barra ta' dan il-breakwater kienet għadha intatta, n-nofs ta' ġewwa kienet ċediet. Għaldaqstant, tim ta' bennejja u għaddasa neħħew is-sezzjonijiet li kellhom ħsara u nvellaw qiegħ il-baħar bi blokki kbar tal-konkos precast. Ġew impoġġija 16-il pilastru tal-konkos b'tul ta' 3 sulari u nbniet gverta ġdida tal-konkos u ħajt għall-mewġ ġdid. IM lestiet dan il-proġett bl-installazzjoni ta' safety ladders u għajnuniet oħra għan-navigazzjoni tal-baħħara.
Il-Ministru Aaron Farrugia tkellem dwar l-importanza li tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura marittima ta' Malta, bħala riżors ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku lokali. “L-investiment fl-infrastruttura marittima tagħna huwa kruċjali, speċjalment meta wieħed iqis li aħna stat gżira. Dan is-settur huwa kruċjali biex tissaħħaħ u tiġi żgurata l-kompetittività u l-ekonomija ta' pajjiżna," qal il-Ministru Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett enfasizza dwar l-importanza ta' dan il-proġett li sar bl-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (EMFF 2014- 2020), fond li ippermetta lil pajjiżna jinvesti madwar €23 miljun fl-industrija tas-sajd u komunitajiet ta' madwar il-kosta filwaqt li tgħinhom jadattaw għas-sitwazzjonijiet kurrenti tas-settur u jsiru ekonomikament reżiljenti u ekoloġikament sostenibbli.
“Dan il-proġett, flimkien ma' xogħlijiet oħrajn li qed isiru fiż-żewġ portijiet tas-sajd l-oħra f'Marsaxlokk u l-Imġarr Għawdex, jenfasizzaw il-wegħda tal-gvern li jipprovdi futur aktar sostenibbli billi jagħmel użu mill-Fondi Ewropej biex tiżdied il-flessibbiltà għas-sajjieda u jitjiebu l-effiċjenzi operattivi f'dawn il-portijiet," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, spjegat kif b'dan il-proġett infrastrutturali se jgawdu s-sajjieda Skaliżi. “Il-breakwater se jgħin biex is-sajjieda jkollhom aċċess aħjar għall-bastimenti tagħhom. Fl-istess ħin, il-proġett qiegħed iwassal għal iktar kenn lid-dgħajjes kollha li jkunu sorġuti fil-port. Qed inkomplu nwettqu l-viżjoni tal-Gvern, li jkompli jsir investiment infrastrutturali fil-portijiet tagħna sabiex inkomplu nkunu ta' sostenn u ta' għajnuna għas-sajjieda. Bl-investiment li qed inħabbru llum, kif ukoll b'dawk preċedenti bħall-pilastri tad-dawl u tal-ilma, u l-manutenzjoni fil-winch rooms, ser naċċertaw li din il-viżjoni tibqa' titwettaq," stqarret Bugeja Said.
It-tim tal-infrastruttura marittima ta' IM qed jibni mill-ġdid ukoll breakwater ieħor f'Buġibba. Dan il-proġett se jiżviluppa l-breakwater l-antik f'terminal ġdid tal-passiġġieri u jestendi dan il-mod alternattiv ta' vjaġġar għal postijiet oħra kostali f'Malta. Intant, għaddej l-ittestjar ta' tagħmir elettroniku fix-xatt ta' Boilers Wharf fl-Isla bħala parti mill-proġett tas-shore-to-ship. L-aġenzija qed tiżviluppa l-infrastruttura meħtieġa biex il-bastimenti jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew taż-żejt u jqabbdu l-elettriku max-xatt waqt li jkunu rmiġġati fil-port. Dan l-investiment ta' €33.2 miljun iffinanzjat mill-UE se jnaqqas aktar minn 90% tat-tniġġis tal-arja li jipproduċu l-cruise liners u l-vapuri Ro-Ro meta jżuru Malta.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en