STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: Il-Gvern b’għajnuna lill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl biex tgħin fir-riabilitazzjoni tal-priġunieri
Se tinfetaħ 'halfway house' filwaqt li se jiġu estiżi s-servizzi eżistenti
Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl li permezz tiegħu se jissoktaw numru ta' servizzi li l-fondazzjoni diġà tagħti lill-priġunieri u l-familji tagħhom, kif ukoll se jiġu maħluqa servizzi oħrajn ġodda, fosthom bit-twaqqif ta' 'halfway house' fil-Birgu. F'din id-dar il-fondazzjoni se tkun qed tilqa' numru ta' priġunieri fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom, sabiex iwettqu programm ta' riabilitazzjoni u formazzjoni qabel jerġgħu jirritornaw lura fis-soċjetà.
Permezz ta' dan il-ftehim il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €1.1 miljun sabiex il-fondazzjoni tkun tista' tiftaħ din id-dar, kif ukoll tkompli tinvesti aktar fir-riabilitazzjoni tal-priġunieri u tgħin lill-familji tagħhom. Id-dar mistennija tiftaħ il-bibien tagħha u tibda topera minn Novembru li ġej.
Apparti l-ftuħ ta' dar ġdida, dan il-ftehim ukoll ra l-estensjoni ta' żewġ servizzi oħra li l-fondazzjoni diġà tagħti, li huma; il-Programm 'Locked Out', li jgħin lill-familji tal-priġunieri, u kif ukoll l-immaniġġjar tad-dar għall-familja fil-Marsa, fejn il-priġunieri jkunu jistgħu jiltaqgħu ma' wliedhom barra l-binja tal-ħabs
Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, li sostna li din il-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl hija waħda importanti ħafna u diġà qed tħalli ħafna frott. Għalhekk huwa saħaq li l-proċess ta' riabilitazzjoni huwa kruċjali ħalli mhux biss il-priġunieri jkunu jistgħu jaqbdu lura rotta tajba, iżda fuq kollox jgħin sabiex tonqos ir-rata ta' reċediviżmu fil-komunità tagħna.
Il-Ministru Camilleri qal li inizjattivi bħal dawn anke juru r-ruħ soċjali tal-gvern, li jgħin sabiex ikun ta' għajnuna għal min huwa tant vulnerabbli.
“Qed nibqgħu ninvestu, id f'id mal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, fir-riabilitazzjoni ta' dawk li qed jiskontaw sentenza ta' priġunerija, permezz ta' tliet proġetti; tnejn minnhom diġà bdew jiffunzjonaw u t-tielet wieħed se naraw il-frott tiegħu proprju fix-xhur li ġejjin. Dawn il-proġetti huma l-proġett 'Locked Out', il-proġett tal-'Family Room' u issa anke dar ġdida li ser tkun qed tilqa' priġunieri fil-fażi tar-riabilitazzjoni tagħhom. Kommessi li nibqgħu ninvestu fir-riabilitazzjoni sabiex dawn il-persuni jkunu persuni aħjar ladarba jirritornaw fis-soċjetà tagħna," temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil fisser kif permezz ta' dan il-ftehim ġiet ikkonsolidata l-ħidma tal-fondazzjoni qalb il-priġunieri.
“Permezz ta' dan il-ftehim se nkunu nistgħu nkomplu bil-proġetti li għandna li huma sessjonijiet ta' terapija għall-familji tal-priġunieri li għandhom xi diffikultajiet, se nkomplu wkoll nattrezzaw aħjar il-post li għandna fejn priġunieri jiġu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u se nlestu u se tibda topera r-residenza fil-Birgu li aħna qed insejħu Dar bla Ħitan," temm jgħid is-Sur Busuttil.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma qal li dawn il-programmi u inizjattivi huma msejsa sabiex jgħinu ferm aktar il-priġunieri fil-proċess rijabilitattiv tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar sabiex ikun hemm soċjetà li tkun ferm aktar tolleranti.
“Permezz ta' dan il-ftehim, aħna bħala aġenzija intermedjarja narawha bħala okkażjoni oħra biex il-persuni li jinsabu ġewwa l-ħabs ikunu jistgħu jagħmlu dak il-pass ħalli wara li jieħdu s-servizzi rijabilitattivi tagħna ġewwa l-ħabs, ikunu jistgħu jmorru lura ġewwa l-komunità aktar riformati," qal is-sur Siegersma.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Emmanuel Psaila, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegeresma, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil u d-Deputat Chairperson tal-istess fondazzjoni Matthew Agius.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en