STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL L-Aġenzija Appoġġ qed tgħin lil 15-il vittma ta’ traffikar uman
L-Aġenzija Appoġġ, fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), qed issaħħaħ il-ħidma tagħha sabiex tgħin persuni vittmi ta' traffikar uman illi jispiċċaw f'pajjiżna.
Fil-fatt, l-Aġenzija bħalissa qed tipprovdi għajnuna soċjali lil 15-il persuna, filwaqt li erba' minnhom qed tingħatalhom akkomodazzjoni alternattiva. Minn meta beda jopera s-servizz fl-2017, l-Aġenzija kellha 81 każ ta' traffikar uman.
Dawn id-dettalji ingħataw waqt konferenza organizzata mill-FSWS, propju fil-ġurnata internazzjonali li tfakkar il-ħidma kontra t-traffikar uman. Sa ftit żmien ilu din il-ħidma relatata ma' traffikar uman kienet parti minn proġett Ewropej u ffinanzjata minn fondi Ewropej (AMIF), iżda minn din is-sena dan is-servizz sar parti mis-servizzi pprovduti mill-Aġenzija Appoġġ u huwa ffinanzjat minn fondi soċjali.
Fl-intervent tiegħu waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon tenna li kulħadd għandu d-dritt t'għajxien sigur u għaldaqstant kommessi li jkomplu din il-ħidma sabiex jidentifikaw kull sitwazzjoni ta' abbuż li tista' tkun għaddejja.
Waqt il-konferenza ġie spjegat ukoll kif dan is-servizz jikkollabora ma' diversi entitajiet differenti sabiex ikun jista' jingħata għajnuna ħolistika lill-vittmi. L-Aġenzija taħdem ukoll sabiex iżżid l-għarfien dwar dan is-suġġett bil-għan li jonqos l-isfruttament ta' persuni.
Ħafna mill-każijiet li ħadmet magħhom l-Aġenzija jinkludu dawk marbuta għal skop sesswali. Il-maġġoranza tal-vittmi jkunu mwiegħda impjieg stabbli u fit-tul li m'għandu x'jaqsam xejn ma' dan ix-xogħol, iżda sfortunatament jindunaw b'dan il-qerq meta jkunu f'pajjiżna.
Matul din il-konferenza saru diskussjonijiet minn diversi professjonisti li jaħdmu fis-settur, fejn ħarġet l-importanza t'aktar taħriġ sabiex ikunu identifikati suspetti ta' traffikar uman filwaqt li tingħata l-għajnuna psiko-soċjali u anke dik legali.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, permezz ta' video message.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en