Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS

pr231188
Date Icon 28/07/2023

Konkluż l-ewwel ċiklu ta' ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema fis-setturi tas-sigurtà: ħdax-il ftehim kollettiv fi żmien tliet snin

Aktar minn 220 ħaddiem tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta' Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS, se jkunu qed jibbenefikaw minn kundizzjonijiet u drittijiet aħjar b'żidiet ta' mill-inqas 5% fuq is-salarju bażiku eżistenti. L-istess ħaddiema se jgawdu wkoll minn aktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u mit-tisħiħ ta' miżuri oħra eżistenti.

Il-ftehim bejn l-AWAS u l-General Workers' Union kien iffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri.

Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali, li permezz tiegħu, il-Gvern, qiegħed ikompli jsaħħaħ lill-ħaddiem. Hu spjega kif permezz ta' dan il-ftehim ġie konkluż l-ewwel ċiklu ta' ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema fis-setturi tas-sigurtà. Fil-fatt b'kollox saru ħdax-il ftehim kollettiv fi żmien tliet snin, li l-Ministru Byron Camilleri rrefera għalihom bħala l-aqwa rikonoxximent għall-impenn li juru ta' kuljum l-istess ħaddiema.

“Qegħdin kontinwament ninvestu f'aktar drittijiet u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema. Din id-darba mall-aġenzija AWAS u mat-trejdjunjin li tirrappreżentahom ffirmajna ftehim kollettiv li jkopri sal-2026 u li mill-anqas kull ħaddiem tal-AWAS se jirċevi żieda ta' 5%. B'dan il-mod qed inkomplu naraw li bħala Gvern nibqgħu ninvestu fl-aktar riżorsa importanti, il-ħaddiem. Il-Ħaddiema tal-AWAS fl-aħħar snin irnexxielhom jagħmlu ħafna suċċessi u raw li jagħtu servizz mill-aqwa u bħala Gvern mhux biss ninvestu fihom bil-kliem, imma anke bil-fatti," temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja spjega kif huwa ta' sodisfazzjon li l-General Workers' Union għalqet ftehim ieħor mis-sensiela ta' ftehimiet kollettivi li qed tagħmel din il-unjin, mibnijin fuq l-esiġenzi tal-post tax-xogħol u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema.  

“F'dan il-ftehim komplejna nibnu fuq djalogu soċjali b'saħħtu, fejn kellna l-awtoritajiet tal-ministeru, kif ukoll tal-AWAS, li fehmu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema. Allura, din hija ġurnata memorabbli li fiha dawn il-ħaddiema se jkomplu jtejbu u jsaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom," temm jgħid is-Sur Bugeja.

Il-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb, qal li l-AWAS hija responsabbli, fost l-oħrajn, mit-twettiq tal-politika dwar il-welfare tar-refuġjati, dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali u persuni li jitolbu l-ażil.

“Permezz ta' dan il-ftehim se tkun qed tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ħaddiema tal-aġenzija u jittejbu l-kundizzjonijiet tagħhom inġenerali. F'din l-aġenzija jsir ħafna xogħol li barra ma jidirx iżda huwa importanti ħafna kemm għal benefiċċjarju u anke għas-soċjetà Maltija inġenerali," temm jgħid is-Sur Xuereb.

Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb, rappreżentanti tal-General Workers' Union fosthom is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u uffiċjali mit-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow