STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Inawgurat xogħol ta’ restawr fuq żewġ pitturi fil-Knisja ta’ San Girgor f’Tas-Sliema
Tlesta l-proġett ta’ konservazzjoni u restawr fuq żewġ pitturi kbar li jinsabu fl-apside tal-knisja parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir f’Tas-Sliema. Ix-xogħol ta’ restawr, li ammonta għal €110,000 b’ko-finanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ġie inawgurat mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l-Kappillan Dun Victor Scicluna.
Permezz ta’ dan ix-xogħol ta’ restawr, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani, tnaddfu l-pitturi kif ukoll tnaqqas il-kontenut tal-melħ fuq is-saff tal-ġebla, ingħalqu l-ġonot tal ġebel, u sar l-irtokk u l-kisi protettiv meħtieġ. Dan għaliex mal-medda tas-snin, iż-żewġ pitturi kienu esposti għal-livelli għoljin ta’ umdità. Barra minn hekk, kien hemm ukoll tbajja’, trab, u akkumulazzjoni ta’ nugrufun fuq il-wiċċ tal-pitturi.
Dawn l-opri tal-arti nħadmu fis-snin 40 mill-artist Taljan Eliodoro Coccoli. Il-pittura fl-apside li turi lil Kristu u żewġ anġli hija tila mal-ħajt bi sfond ta’ induratura taż-żejt applikata direttament fuq l-appoġġ tal-ġebel. Il-pittura ta’ wara l-artal hija tila mwaħħla mal-ħajt li turi xena mill-ħajja ta’ San Girgor il-Kbir.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal kif permezz tal-użu ta’ fondi Ewropej sar it-tisbiħ u l-konservazzjoni li jagħtu ġieħ lil din l-opra t’arti. Kompla li dan r-restawr jservi ukoll bħala addizzjoni tal-prodott turistiku Malti.
“Dan il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jtejjeb il-kompetittività ta’ pajjiżna fis-settur tat-turiżmu permezz tal-promozzjoni, il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ assi naturali, kulturali u storiċi, li huma maħsuba biex itejbu aktar l-esperjenza tat-turiżmu kulturali Malti,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
L-Isqof Awżiljarju Galea Curmi rringrazzja lil dawk kollha li għenu f’dan il-proġett ta’ restawr u tenna fuq il-ħarsien tal-patrimonju. Qal ukoll li kull proġett ta’ restawr hu ċelebrazzjoni tas-sbuħija, u l-Knisja f’Malta għandha dan l-impenn: li fl-oqsma differenti tagħha, u f’dal każ fil-qasam artistiku u kulturali, tħeġġeġ l-apprezzament għas-sbuħija fis-soċjetà Maltija.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Pace Ross qal li l-opri tal-arti ta’ Eliodoro Coccoli f’din il-knisja għandhom valur storiku għaliex huma rari u x-xogħlijiet tiegħu barra l-Italja jinsabu biss f’Malta u fl-Iżvizzera. Hu rringrazzja lill-kumpanija Atelier del Restauro għax-xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr fuq il-pitturi, kif ukoll lill-EMCS għas-servizz ta’ konsulenza.
L-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir tpoġġiet proprju 100 sena ilu, fl-20 ta’ Awwissu 1923, iżda l-knisja tlestiet 18-il sena wara, jiġifieri fl-1940, wara l-ġenerożità tal-Isqof Mauro Caruana u benefatturi oħra.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020 li għandu ammont allokat ta’ €3.56 miljun għal proġetti ta’ konservazzjoni, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en