Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Żieda ta’ €52.5 miljun fuq benefiċċji tas-sigurtà soċjali fl-ewwel nofs tas-sena

pr231185
Date Icon 27/07/2023

Ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul l-ewwel nofs tas-sena, in-nefqa fuq il-benefiċċji kontributorji u mhux kontributorji żdiedet b'aktar minn €52.5 miljun, għal total ta' €680.6 miljun, meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena l-oħra. Dan ifisser żieda ta' 8.4% aktar mis-sena l-oħra, u li twassal għal nefqa ta' €34.9 miljun aktar f'dawk li huma benefiċċji kontributorji u €17.6 miljun aktar f'dawk li huma benefiċċji mhux kontributorji.

Mill-2013, din kienet it-tieni l-akbar żieda fin-nefqa fl-ewwel nofs tas-sena wara dik reġistrata fl-2017. Il-benefiċċji kontributorji ammontaw għal €548.5 miljun sal-aħħar ta' Ġunju ta' din is-sena, li jfisser 6.8% aktar fin-nefqa meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Din iż-żieda kienet prinċipalment attribwita għaż-żidiet li ngħataw lill-pensjonanti kollha. Fl-istess waqt, żdiedu l-pensjonanti (1,134) li ħadu l-pensjoni taż-żewġ terzi għall-ewwel darba.

Fil-fatt, minn din is-sena, mat-92,830 pensjonanti tal-irtirar, romol u tal-invalidità, flimkien ma' 4,038 pensjonant tal-età, bdew igawdu minn żieda ta' €50 kull erba' ġimgħat, li jinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA).

Żieda kbira kienet irreġistrata wkoll f'dak li għandhom x'jaqsmu benefiċċji mhux kontributorji, fejn dawn ammontaw għal €132.1 miljun, u 15.3% aktar minn dak li ntefaq fl-istess perjodu tas-sena 2022. Żewġ fatturi ewlenin li wasslu għal din iż-żieda kienu: 

  • Iż-żieda qawwija li kien hemm fl-għadd ta' familji li jirċievu l-In-Work Benefit, li minn 7,198 fl-2022 tela' għal 23,692 fl-ewwel nofs tas-sena. Dan kien dovut għall-fatt li familji eliġibbli għal dan il-benefiċċju m'għandhomx għalfejn japplikaw aktar, minħabba l-introduzzjoni ta' sistema diġitali li tidentifika l-benefiċjarji abbażi ta' tagħrif dwar id-dħul tal-familji miġbur mingħand id-Dipartiment tat-Taxxi, u tagħrif ieħor meħud mid-database tad-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
  • It-twettiq ta' benefiċċju ġdid li jaħseb biex isostni familji u persuni bi dħul baxx b'għotja addizzjonali maż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Dan il-benefiċċju daħal fis-seħħ lejn l-aħħar tas-sena l-oħra u minnu diġà gawdew 47,000 familja b'98,300 dipendenti. In-nefqa fl-ewwel sitt xhur kienet ta' kważi €3m, li flimkien mal-ħlasijiet li saru f'Diċembru, in-nefqa globali telgħet għal €16.6m.

Fl-istess waqt, in-nefqa fuq iċ-children's allowance kibret b'madwar €3m għal €24.4m, b'riżultat ta' żieda ta' €90 għal kull wild fil-familja taħt is-16-il sena.

B'reazzjoni għal din l-istatistika, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li dawn ir-riżultati huma prova ċara oħra ta' kemm dan il-gvern qed iħoss il-polz soċjali ta' dan il-pajjiż, u li ma jiddejjaq qatt ikompli jinvesti fil-familji u fil-pensjonanti kollha.

“Se nkomplu nifhmu u nindirizzaw ir-realtajiet soċjali ġodda ta' dan il-pajjiż, u mhux se niddejqu nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex nissalvagwardjaw għajxien pożittiv kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti u għal dawk futuri," temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow