STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA
L-Isptar Mater Dei qiegħed jesperjenza influss ta' persuni li qed jirrikorru għas-servizzi tal-Emerġenza ferm ogħla min-normal, b'riżultat tal-mewġa ta' sħana li esperjenzaw il-gżejjer Maltin f'dawn l-aħħar jiem. Għaldaqstant, u sabiex tkun żgurata kura tal-ogħla livell lill-pazjenti kollha, l-Amministrazzjoni tal-Isptar iddeċidiet illi tista' tipposponi xi wħud mill-operazzjonijiet elettivi u mhux urġenti li kienu skedati għal għada u għall-jiem ta' wara.
Il-pazjenti affetwati b'dan il-posponiment se jingħataw appuntamenti ġodda.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa jerġgħu itennu l-appell tagħhom lill-pubbliku biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u jitkelmu mat-tabib jekk jesperjenzaw sinjali u sintomi ta' eżawriment tas-sħana. Huwa wkoll rakkomandat li jinżamm kuntatt regolari mal-anzjani u dawk l-aktar f'riskju speċjalment jekk jgħixu waħedhom.
Is-sħana tista' taffettwa lil kulħadd, iżda ċerti nies huma f'riskju akbar ta' ħsara serja. Dawn jinkludu:
• anzjani, speċjalment dawk li għandhom aktar minn 75 sena
• trabi u tfal żgħar
• nies b'kundizzjoni kronika tas-saħħa bħal kundizzjonijiet respiratorji jew tal-qalb
• persuni bi problemi ta' saħħa mentali
• nies li għandhom id-deni minħabba infezzjoni
• nies li jabbużaw mill-alkoħol jew jużaw drogi illegali
• persuni bi problemi ta' mobbiltà
• nies li huma fiżikament attivi bħal ħaddiema manwali jew sportivi
L-Awtoritajiet għas-Saħħa jerġgħu jfakkru li sabiex jiġu evitati l-effetti tas-sħana eċċessiva huwa importanti li wieħed:
• Jevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt perjodi sħan tal-ġurnata bejn il-11.00am sal-4.00pm;
• Iżomm frisk billi joqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tax-xogħol;
• Jixrob l-ilma regolarment biex ipatti għat-telf bl-għaraq u jittiekel u ikel kiesaħ;
• Jevita likwidi deidratanti bħall-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina;
• Jilbes ħwejjeġ ħfief;
• Jevita sforz fiżiku fl-iktar ħinijiet sħan tal-ġurnata;
• Jimxi fid-dell, japplika protezzjoni għax-xemx u jintlibes kappell;
• Ifittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en