STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Inawgurata l-Missjoni Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York
Matul il-jum tat-Tlieta, 25 ta' Lulju 2023, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg flimkien mar-Rappreżentanta Permanenti ta' Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York Vanessa Frazier, inawguraw il-Missjoni Permanenti l-ġdida ta' Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
Matul l-inawgurazzjoni l-Ministru Ian Borg sostna li x-xogħol fuq din il-Missjoni Permanenti l-ġdida ilu għaddej għal numru ta' snin iżda huwa opportun li waqt li pajjiżna jinsab fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda jkun xieraq li pajjiżna jkollu bażi moderna minn fejn ikun jista' jwettaq ix-xogħol tiegħu.
Fid-dawl tad-distanza qasira li hemm bejn il-Missjoni Permanenti l-ġdida u l-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, il-Ministru Borg sostna li dan se jkun qed iservi wkoll ta' aktar effiċjenza fil-qadi tad-dmirijiet ta' uffiċjali u d-diplomatiċi fi ħdan il-Missjoni.
Fl-isfond ta' din l-inawgurazzjoni, anke bil-preżenza ta' bosta uffiċjali għolja mill-istess Nazzjonijiet Magħquda u rappreżentanzi permanenti oħra, il-Ministru Ian Borg irringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu u jimpenjaw ruħhom sabiex ikomplu jmexxu 'l quddiem l-aġenda b'saħħitha ta' Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda.
Min-naħa tagħha, ir-Rappreżentanta Permanenti Vanessa Frazier tenniet li Malta issa għandha missjoni tal-ogħla livell u moderna. Sostniet li dan huwa xhieda tal-ħidma importanti li qed tkompli tagħmel Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda. Frazier qalet li dan il-legat li beda bis-sħubija ta' Malta ftit wara li kisbet l-Indipendenza u li se jkompli jippermetti lill-missjoni biex tippromwovi l-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli, u d-drittijiet tal-bniedem fil-Kunsill tas-Sigurtà u fi proċessi numerużi fi ħdan l-Assemblea Ġenerali.
Il-Ministru Ian Borg kien akkumpanjat ukoll miċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Glenn Bedingfield u l-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en