STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Proġett ta’ riċerka fuq it-tkabbir ta’ speċi ġodda ta’ ħut fl-akwakultura
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjegaw kif permezz ta' investiment ta' €700,000 minn fondi Ewropej fuq medda ta' seba' snin se jgħin lid-Dipartiment tal-Akwakultura f'riċerka sabiex ikun hemm diversifikazzjoni fl-ispeċi tal-ħut li jitkabbar permezz tal-akwakultura.
L-għan ewlieni ta' dan l-investiment hija r-riċerka fuq speċi ġodda ta' ħut fis-settur lokali għall-akwakultura li għandhom potenzjal għoli ta' valur ekonomiku, u jistgħu jgħinu lill-industrija tal-akwakultura tissaħħaħ billi ssir aktar reżiljenti u kapaċi tilqa' għal sfidi u kriżijiet filwaqt li tiżdied fil-kompetittività. L-ispeċi jistgħu jinkludu pagru, denċi u l-aċċola.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li, “il-ħut mhux biss parti mill-ikla tradizzjonali tal-familji Maltin u Għawdxin iżda hu ikel nutrizzjuż li jgħin biex ikollna poplu iktar b'saħħtu. Għalhekk irridu li l-konsumatur Malti jibqa' jkollu aċċess affordabbli u kostanti għall-ħut. Permezz ta' dan l-investiment se nkomplu nsaħħu s-sigurtà tal-ikel għal pajjiżna."
Hija kompliet li l-Gvern se jkompli jinvesti f'proġetti ta' riċerka simili li jwasslu sabiex ikomplu joħolqu opportunitajiet ġodda, speċjalment għal żgħażagħ li jixtiequ jimirħu f'karriera marittima. “Kommessi li nkomplu nsaħħu l-industriji lokali tagħna, speċjalment dawk tas-sajd u l-akwakultura b'mod sostenibbli u ekwu għal kulħadd.", temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bl-għajnuna ta' fondi Ewropej qed ikomplu jilħqu l-miri tal-Gvern lejn futur aktar sostenibbli u diġitali hekk kif l-għan ta' dan il-proġett huwa li jiġġenera għarfien u pjan ta' implimentazzjoni sabiex speċi ta' ħut jiġu domestikati, riprodotti, imfaqqsa u mkabbra f'sistemi innovattivi ta' akwakultura mgħammra bl-intelliġenza artifiċjali.
“Se jingħata appoġġ f'konformità mal-Istrateġija tal-Akwakultura għall-Gżejjer Maltin 2014–2025 filwaqt li nkomplu nsaħħu l-Pjan Nazzjonali ta' Malta 2021–2030 li jidentifika l-ħtiġijiet għar-riċerka u t-teknoloġiji," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Id-Direttur tal-Akwakultura Dennis Calleja spjega li, “il-pjan hu li tiġi żviluppata teknika u teknoloġija avvanzata, bħal dik tal-Intelliġenza Artifiċjali, f'fażijiet li jkopru diversi stadji ta' produzzjoni mill-qbid tal-ħut mis-selvaġġ, sa l-aklimatizzazzjoni tiegħu taħt kundizzjonijiet f'tankijiet apposta. Fost il-fatturi li se jiġu rriċerkati hemm iċ-ċiklu tat-tkabbir, il-prestazzjoni riproduttiva, in-nutrizzjoni u l-kisba ta' stokk ta' ħut b'saħħtu u ekonomikament vijabbli."
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en