Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Il-Ministru Julia Farrugia Portelli f’laqgħa tal-Ministri tal-Konsumatur tal-Unjoni Ewropea

pr231167
Date Icon 25/07/2023

Malta tenniet il-pożizzjoni tagħha biex l-Unjoni Ewropea tagħmel minn kollox biex ikunu protetti l-ekonomiji, l-industriji u l-familji, partikolarment kawża tas-sitwazzjonijiet ġeopolitiċi kurrenti.

Sostniet dan il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli f'Bilbao, Spanja, fejn ittellgħet il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Konsumatur tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

“Irridu nkomplu bir-ritmu biex niggarantixxu li għandna viżjoni strateġika biex insaħħu r-reżiljenza  u l-effettività tal-UE f'kull rokna tas-Suq Wieħed, inkluż l-isfidi ta' konnettività minn stati żgħar bħalma hija Malta. Il-miżuri u inizjattivi li ttieħdu waqt il-pandemija biex ikun assigurat li kull pajjiż ikollu aċċess wiesa' għat-tilqim għandhom iservu ta' eżempju dwar x'għandu jsir f'sitwazzjonijiet ta' kriżijiet estremi fuq prodotti oħra," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Fl-indirizz tagħha fl-ewwel parti tal-laqgħa, li ffukat fuq il-ħidma u fuq dak deċiż u adottat mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta' qafas strateġiku tal-politika tal-UE dwar il-konsumatur għas-snin 2020-2025,  il-Ministru Farrugia Portelli qalet li ċ-ċirkostanzi bla preċedent tal-pandemija wasslu għal żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi provduti lill-konsumaturi. 

Hija żiedet tgħid li Malta temmen li kull aġenda futura tal-Konsumatur għandha tirrifletti l-kundizzjonijiet kurrenti tas-suq, tkun tħares 'il quddiem u jkollha viżjoni strateġika bil-quddiem biex tilqa' għal bżonnijiet futuri. “Huwa f'dan l-ispirtu li għandu jkun hemm sehem akbar mill-Kummissjoni Ewropea fejn jidħol l-infurzar ta' ksur ta' liġijiet tal-konsumatur," sostniet il-Ministru Farrugia Portelli, filwaqt li rreferiet ukoll għall-importanza ta' rimedji effettivi għall-konsumaturi fejn semmiet kif f'dan ir-rigward, Malta wessgħet il-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi billi għolliet il-valur tat-talbiet quddiem dan it-Tribunal minn €5,000 għal €10,000.

It-tieni parti tal-laqgħa trattat il-passi li jmiss dwar konsum sostenibbli. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li konsum mhux sostenibbli huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li qegħdin iwasslu għat-tibdil fil-klima, telf tal-biodiversità u tniġġis. Għal pajjiżi żgħar bħal Malta konsum sostenibbli huwa fost l-ogħla prijoritajiet.

“Il-bidla fl-imġieba min-naħa tal-konsumatur tista' tinkiseb jekk ikollha żewġ direzzjonijiet, il-konsumatur fuq naħa u l-industrija fuq oħra. Kampanji edukattivi jgħinu biex il-konsumatur isir aktar konxju tal-bżonn ta' sostenibbiltà anke fil-mod kif jixtri, mhux biss mil-lat finanzjarju imma wkoll minn dak ambjentali," qalet il-Ministru Farrugia Portelli filwaqt li rreferiet għall-kampanja edukattiva mnedija f'Malta lejn tmiem is-sena li għaddiet.

Il-Ministru Farrugia Portelli rrikonoxxiet li għaddejja tranżizzjoni sostenibbli min-naħa tan-negozji. Madankollu għandu jkun assigurat li ż-żieda fl-ispiża biex isir dan m'għandhiex tingħadda fuq il-konsumatur u li faxex ta' konsumaturi vulnerabbli ma jiġux affettwati.

“Id-diġitalizzazzjoni hija importanti biex titnaqqas l-ispiża operazzjonali. F'dan ir-rigward Malta diġà tipprovdi appoġġ lin-negozji kemm minn dan il-lat kif ukoll mil-lat ta' teknoloġiji ħodor permezz ta' diversi skemi amministrati mill-Gvern, skemi li diġà ħallew effett pożittiv. Li jkunu provduti fondi għal skemi bħal dawn tibqa' prijorità għal Malta," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Il-Ministru Julia Farrugia Portelli f’laqgħa tal-Ministri tal-Konsumatur tal-Unjoni Ewropea
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Il-Ministru Julia Farrugia Portelli f’laqgħa tal-Ministri tal-Konsumatur tal-Unjoni Ewropea
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Il-Ministru Julia Farrugia Portelli f’laqgħa tal-Ministri tal-Konsumatur tal-Unjoni Ewropea
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow