STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Titħabbar il-5 edizzjoni tal-Malta International Food Festival – Gozo Edition
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra se jerġa' jittella' l-Malta International Food Festival – Gozo Edition fil-pjazza tax-Xewkija. Din il-ħames edizzjoni ta' dan il-festival se ssir bejn il-Ġimgħa 4 ta' Awwissu u s-Sibt 5 ta' Awwissu.
Dan huwa street festival tal-ikel li se jikkonsisti f'żewġt iljieli ta' ċelebrazzjoni kulinari minn madwar id-dinja fejn wieħed jista' jesperjenza t-tjubija tal-ikel Asjatiku, il-kwalità tal-ikel Mediterranju, l-aqwa platti Ewropej u l-awtentiċità tal-ikel Għawdxi.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “Dan l-avveniment tas-sajf stabbilixxa ruħu sew fil-kalendarju kulturali Għawdxi u huwa wieħed mill-aktar popolari li jittella' fil-gżira Għawdxija, tant li jattira ħafna Għawdxin, Maltin u turisti. Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex din is-sena wkoll jingħaqad magħna f'dan il-festival f'Għawdex fejn wieħed isib ikel varjat mid-dinja kollha."
F'dan il-festival se jkun hemm ukoll stands tal-birrerija, ta' nbejjed speċjali u għażla kbira ta' ħelu u ġelati. Fl-isfond ta' dan kollu, ħdejn il-Knisja Parrokkjali tax-Xewkija se jkun hemm mużiċisti li jkomplu jagħtu ħajja lil din l-attività.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li kommess li l-Ministeru jkompli jagħti l-għajnuna sabiex jibqgħu jittellgħu bosta attivitajiet matul is-sena li jattiraw iktar viżitaturi u fl-aħħar mill-aħħar ikomplu jsostnu l-ekonomija Għawdxija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en