STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Imniedi proġett pilota li se jkompli jsaħħaħ il-prodott lokali tal-bdiewa
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, nieda proġett pilota hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali, li permezz tiegħu se jsaħħaħ u jkompli jagħti identità lill-prodott lokali tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Permezz tal-proġett pilota, se jiġi introdott tikkettar li jidentifika l-istabbilimenti li jagħmlu użu minn prodotti lokali. Fost dawn l-istabbilimenti hemm ristoranti, ħwienet tal-merċa u anke agrituriżmu li jbigħu, jipproċessaw jew iservu ħaxix li jkun tkabbar b’metodi li jkollhom ftit jew xejn impatt fuq l-ambjent.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li l-ewwel fażi tal-proġett pilota se jiffoka fuq prodotti li ġejjin mill-Pitkalija u li fiha se jkunu involuti żewġ stabbilimenti ewlenin tal-ikel f’pajjiżna. “Dan il-proġett għandu l-għan ukoll li jkompli jippromwovi l-prodott lokali li jwassal biex il-konsumatur jagħżel u jixtri dan il-prodott. B’inizjattivi ta’ dan it-tip qed inkomplu nippremjaw il-bżulija tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru Refalo temm jgħid li matul ix-xhur li ġejjin se jkomplu jimplimentaw fażijiet oħra minn dan il-proġett pilota, bl-għan aħħari li jkomplu jagħtu identifikazzjoni lill-prodott Malti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li, “Dan il-proġett pilota imur id f’id mal-ħidma u mal-viżjoni tal-aġenzija, fejn il-mira tagħna tkun li nagħtu aktar valur lill-produtturi kif ukoll insaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti lokali.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en