STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Imnedija t-tmien edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima
L-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) nediet it-tmien edizzjoni ta' Premju Servizz bi Tbissima.
Waqt li kienet qed tindirizza t-tnedija ta' din l-inizjattiva, il-Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-MCCAA nediet din l-inizjattiva għax tagħraf l-importanza li jkun hemm relazzjoni tajba u ta' fiduċja bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa.
“Servizz tajjeb għall-konsumatur imur lil hinn mill-provvista ta' oġġetti jew servizzi, iżda jiffoka fuq esperjenza ħolistika ta' xiri bil-għan li jissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi. Meta negozju jinvesti f'servizz lill-klijenti ta' kwalità għolja, jinvesti fis-suċċess tiegħu stess għax negozju li ma jiħux ħsieb il-klijenti tiegħu m'għandux futur," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġ. Helga Pizzuto, qalet li din il-kompetizzjoni tirrikonoxxi u tippremja lin-negozji lokali li jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu l-aħjar servizz lill-klijenti tagħhom. L-Inġ. Pizzuto spjegat li, “L-għan ewlieni ta' din il-kompetizzjoni huwa li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa. Meta jkun hemm relazzjoni tajba, il-kunflitti u l-ilmenti jonqsu għax meta tinqala' problema tissolva b'mod amikevoli u ħafna drabi anke mingħajr il-bżonn li tintervjeni l-awtorità."
Is-sena li għaddiet, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA irċieva 'l fuq minn 8,400 talba għall-informazzjoni u intervjena direttament f'aktar minn 1,200 ilment permezz tal-proċess ta' konċiljazzjoni. Dan l-uffiċċju jaħdem mill-qrib kemm mal-konsumaturi kif ukoll man-negozji u jassisti fis-soluzzjoni tat-tilwim bejn dawn iż-żewġ partijiet.
Struttura oħra ta' rimedju li hi wkoll disponibbli għall-konsumaturi hi dak tal-ADR (Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim). Din l-għodda ta' rimedju tiffoka fuq komunikazzjoni miftuħa bejn il-partijiet f'kunflitt u l-għan tagħha huwa li jintlaħaq kompromess permezz tal-intervent ta' parti terza newtrali.
Fl-edizzjoni ta' din is-sena ta' Premju Servizz bi Tbissima hemm sitt kategoriji ewlenin li fihom il-konsumaturi jistgħu jivvutaw. Dawn huma: moda u sbuħija, supermarkets u mini-markets, prodotti elettroniċi u oġġetti tad-dar, bejjiegħa lokali onlajn, servizzi tal-ivvjaġġar u tat-trasport, u ħwienet tal-annimali domestiċi u pjanti.
Il-konsumaturi jistgħu jivvutaw fuq il-paġna servizzbitbissima.mccaa.org.mt. Il-kompetizzjoni hija miftuħa bejn id-19 ta' Lulju 2023 u s-16 ta' Awwissu 2023. Il-konsumaturi li jipparteċipaw f'din il-kompetizzjoni jkunu qed jidħlu fiċ-ċans li jirbħu wieħed mill-erba' premjijiet ta' €100 kull ġimgħa.
Il-kompetizzjoni Premju Servizz bi Tbissima hi marbuta ma' kodiċi ta' kondotta u għalhekk il-kumpaniji li jkollhom l-iktar voti f'kull kategorija jiġu ċċekkjati mill-Awtorità sabiex jiġi determinat jekk jimxux mal-kriterji ta' kondotta mniżżla, u eventwalment ikunu konfermati bħala rebbieħa.
Ir-rebbieħa ta' dawn is-sitt kategoriji se jitħabbru waqt ċerimonja ta' premjazzjoni aktar tard din is-sena. Ir-rebbieħa jingħataw trofew u ċertifikat u jingħataw ukoll iċ-ċans li jużaw il-logo ta' Servizz bi Tbissima fil-ħwienet tagħhom u fuq materjal promozzjonali li jippubblikaw.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en