STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti li jgħixu fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Santa Luċija
Ir-residenti li jgħixu fiż-żona ta' akkomodazzjoni soċjali f'Santa Luċija se jibdew igawdu minn kwalità ta' ħajja aħjar hekk kif bħalissa għaddejjin b'ritmu tajjeb ix-xogħlijiet ta' tisbiħ u mmodernizzar f'din iż-żona.
Ix-xogħlijiet se joffru kwalità ta' ambjent u qed isiru permezz ta' fondi Ewropej b'investiment ta' aktar minn €600,000. Dawn ix-xogħlijiet li, qegħdin isiru mill-Awtorità tad-Djar, jikkonsistu fi żvilupp ta' passaġġi u ta' rampi sabiex jiffaċilitaw l-aċċessibilità għar-residenti, hekk kif qed tiġi indirizzata l-problema ta' diżlivell li kien hemm fiż-żona. Qed isir ukoll xogħol fuq il-ġibjuni li huma ddisinjati b'kapaċità ta' madwar 350 metru kubu għall-irrigazzjoni ta' 26 siġra ġdida u ta' 400 pjanta u arbuxelli.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes semma li dawn ix-xogħlijiet ta' tisbiħ u mmodernizzar se jkunu qed jimpattaw pożittivament lill-familji li jgħixu f'din iż-żona. Il-Ministru Galdes qal li l-gvern huwa impenjat li jkompli jeleva s-settur tal-akkomodazzjoni b'mod ħolistiku, fost l-oħrajn billi jiġi assigurat li l-ambjent tal-madwar, fejn persuna tqatta' ħin ta' mistrieħ, ikun ta' kwalità tajba.
Kompla jgħid li, dawn ix-xogħlijiet se jiggarantixxu ambjent isbaħ u aktar sigur għar-residenti tal-madwar u tisħiħ fl-aċċessibilità mhux biss f'Santa Luċija, iżda anke fil-Mosta u fil-Marsa fejn għaddejjin żewġ proġetti oħra ta' dan it-tip.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li proġetti bħal ta' Santa Luċija jenfasizzaw l-impenn tal-gvern li jkompli jaħdem biex jipprovdi kwalità ta' ħajja aħjar lill-Maltin u lill-Għawdxin.
“Bl-għajnuna ta' fondi Ewropej se nkunu qed intejbu l-ambjent tal-madwar seba' blokok ta' akkomodazzjoni soċjali f'Santa Luċija li konsegwentament, permezz tat-titjib urban ta' wħud mill-ispazji miftuħa bejn il-proprjetajiet, żieda ta' aċċessibilità għall-anzjani u għall-persuni b'diżabilità u l-użu ta' teknoloġiji effiċjenti, se jikkontribwixxu għar-riġenerazzjoni tal-komunità."
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en