STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Inawgurat xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi
Tlesta l‑proġett ta' restawr fuq il‑faċċata u fuq il-ġenb tal-kampnar tax-xellug tal-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi. Il‑proġett ġie inawgurat mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett u mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi.
Permezz ta' dan ir-restawr, li għalih ikkontribwixxew ukoll il‑parruċċani tal-Qrendi, tnaddfet il‑ġebla tal‑faċċata u tal‑kampnar, u xi wħud mill‑ġebel kellu jinbidel minħabba deterjorazzjoni tal‑ġebla kawża tal‑espożizzjoni għall‑elementi naturali u t‑tniġġis tal‑arja. Proġett li sar b'investiment ta' €84,000 li 80% minnhom kienu ko-finanzjati minn fondi tal‑Unjoni Ewropea.
Is‑Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qegħdin jiġu investiti madwar €4 miljun biex jintużaw mill-Arċidjoċesi ta' Malta sabiex jitwettqu proġetti ta' restawr fuq 33 knisja f'Malta bil-għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku. “Bħala Gvern qed nappoġġjaw ukoll investimenti f'wirt kulturali li meqjus fuq skala iżgħar biex inkomplu niżviluppaw il-wirt nazzjonali ta' Malta fir-rigward tas-sostenn tal-iżvilupp tan-negozju u t-tisħiħ tal-industrija tat-turiżmu ta' Malta, li hija waħda mill-muturi ewlenin tal-ekonomija Maltija," tenna Dr Bonett.
Waqt l-inawgurazzjoni ta' dan il-proġett, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom f'din il-ħidma flimkien għar-restawr tal-knisja tal-Qrendi. Hu qal li restawr magħmul b'għaqal hu kontribut ta' ġid kbir għas-soċjetà Maltija. “Il-Knisja f'Malta qed taħdem bis-sħiħ biex ilkoll napprezzaw il-patrimonju kulturali li għaddewlna l-antenati tagħna, u nieħdu ħsiebu biex nistgħu ngawduh aħna u nħallu wirt sabiħ lill-ġenerazzjonijiet futuri."
Fid‑diskors tiegħu, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta' Malta, Michael Pace Ross, qal li r-restawr li sar fuq il-knisja tal-Qrendi mhux biss se jkompli jikkontribwixxi għat-titjib tal-valur reliġjuż u storiku ta' din il-knisja, iżda wkoll se jsaħħaħ il-prodott turistiku fin-nofsinhar ta' Malta. Huwa rringrazzja lill-kumpanija tar-restawr ReCoop u lill-konsulenti tal-EMCS li mingħajrhom il-proġett ma kienx ikun possibbli.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l‑Amministratur Parrokkjali Dun Mario Said.
Il-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi, li hi ddedikata lil Marija Assunta, inbniet fl-1620, fuq art fejn qabel kien hemm żewġ kappelli oħra żgħar. Il-knisja għandha forma ta' kurċifiss, b'koppla, żewġ kampnari fuq kull naħa, u żewġ sagristiji. Din hi waħda minn għadd ta' knejjes f'Malta li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020. Dan il-proġett huwa wieħed minn diversi proġetti oħra li qegħdin jibbenefikaw mill-Fond Assi Prijoritarju 5, parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, b'allokazzjoni komplessiva ta' €63 miljun.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en