Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR: Il-Gvern jalloka s-somma ta’ €3 miljun bħala kumpens għall-persuni vittmi tal-pillola Thalidomide

pr231104
Date Icon 12/07/2023

Il-Kabinett tal-Ministri approva l-ħlas ta' kumpens ta' darba lill-persuni li twieldu b'diżabilità kawża tal-effett tal-pillola Thalidomide li kienet ittieħdet fis-snin sittin minn ommijiet tqal.

F'intervent fil-Parlament, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret kif għal dan il-għan il-Gvern alloka s-somma ta' €3 miljun bħala kumpens li se jitħallas fuq numru ta' snin. Il-Ministru Farrugia Portelli rreferiet għall-intervent li kien għamel fil-Parlament fil-5 ta' Settembru 1962 il-Perit Dom Mintoff, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, li matulu kien talab li tkun irtirata mis-suq il-pillola Thalidomide.

Dan wara li kien irriżulta li apparti li ħafna nisa tqal kienu qegħdin ikorru lit-tarbija fil-ġuf, ħafna trabi oħrajn kienu qegħdin jitwieldu b'diżabilitajiet severi. Dak iż-żmien fl-Ingilterra kienu twieldu 600 tarbija mingħajr idejn jew saqajn filwaqt li fil-Ġermanja kienu twieldu 5,000 tarbija b'dawn il-kundizzjonijiet.

Madankollu l-Gvern ta' dak iż-żmien ma laqax l-appell u l-pillola tħalliet fis-suq.

Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet kif ftit tax-xhur ilu kien tnieda appell pubbliku biex ikun stabbilit kemm hawn persuni li jaħsbu li huma vittmi ta' dik is-sitwazzjoni fejn resqu 'l quddiem 34 persuna.

Filwaqt li għamlet apoloġija pubblika lil dawk il-familji li sofrew, u għadhom isofru, minn tali sitwazzjoni, il-Ministru Farrugia Portelli ħabbret li fil-ġimgħat li ġejjin, bord indipendenti mmexxi minn esperti mediċi se jibda proċess ta' valutazzjoni ta' kull każ li tressaq quddiem il-Gvern. Proċess li jrid jistabbilixxi jekk il-persuni konċernati humiex attwalment vittmi tal-pillola Thalidomide, u jekk iva, kemm hu l-persentaġġ ta' diżabilità kawżata minn din il-pillola.

Il-Ministru Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha li wara 61 sena, dan il-Gvern serva ta' vuċi għal dawn il-persuni u l-familji tagħhom.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR: Il-Gvern jalloka s-somma ta’ €3 miljun bħala kumpens għall-persuni vittmi tal-pillola Thalidomide
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow