STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Inawgurat ix-xogħol ta’ restawr u rikostruzzjoni tal-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq
Ir-residenti taż-Żurrieq u l-pubbliku se jkunu jistgħu jgawdu mill-ġdid il-Mitħna tax-Xarolla wara li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq xogħol ta' restawr u rikostruzzjoni għall-istat oriġinali tagħha. Dan wara li l-mitħna kienet ġarrbet ħsarat kbar waqt maltempata f'Marzu 2022.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, fil-preżenza tas-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima, inawgura dan il-proġett li kien jinvolvi xogħol tas-sengħa fl-injam minn mastrudaxxi tas-sengħa fi ħdan id-Direttorat tal-Manifattura u s-Servizzi f'Kordin.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Zrinzo Azzopardi faħħar il-ħidma ta' dawn il-ħaddiema fuq il-makkinarju u l-antenni ta' din il-Mitħna tas-seklu tmintax. “Dan ix-xogħol kien wieħed rigoruż u estensiv, hekk kif fost oħrajn kellhom jinbidlu s-sitt arbli ta' 30 pied il-wieħed, magħrufa bħala l-antarjoli, kif ukoll saru mill-ġdid l-antenni, il-ventijiet, it-travu ċentrali u s-saqaf tal-Mitħna," spjega l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Għal għexieren ta' snin il-Mitħna tax-Xarolla serviet bħala mezz ta' għajxien għal diversi familji. Bil-mitħna tar-riħ kienu jitħnu l-qamħ, il-qamħirrun, ful inkaljat u kienu jitħnu wkoll taħlit ta' qamħ u xgħir. Illum meqjusa bħala attrazzjoni prinċipali għal Maltin u turisti fil-lokalità taż-Żurrieq, din il-mitħna ssellfet isimiha mill-post fil-għoli fejn tinsab, imsejjaħ 'ix-Xagħra l-għolja'.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li dan il-proġett huwa xhieda tal-ħidma tal-Gvern ċentrali fil-konservazzjoni tal-wirt storiku ta' pajjiżna u l-użu għaqli tar-riżorsi pubbliċi. Il-Ministru tenna “Ta' min wieħed japprezza il-mod metikoluż u diliġenti li missirijietna bnew u ħadu ħsieb din il-mitħna mal-milja tas-snin mingħajr it-teknoloġiji u l-għodod moderni tal-ġurnata tal-lum. Għaldaqstant huwa dmir tagħna bħala Gvern li nkomplu nġeddu l-impenn favur il-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali tagħna".
Fid-diskors tagħha, is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet li sa minn dakinhar stess li l-mitħna saritilha l-ħsara fil-maltempata, sabet l-appoġġ tal-Gvern sabiex il-mitħna reġgħet ġiet fi stat li tista' titħaddem mill-ġdid. Hija rringrazzjat lill-Ministeru u lil dawk kollha li kienu involuti fl-implimentazzjoni ta' dan il-proġett ta' restawr u rikostruzzjoni.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi min-naħa tiegħu rringrazzja lil dawk kollha mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li ħadmu fuq dan ir-restawr u rikostruzzjoni tal-Mitħna, lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u lill-voluntiera li jieħdu ħsieb il-mitħna tal-kooperazzjoni kontinwa biex dan ix-xogħol seta' jitwettaq.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en