STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Imwettqa wegħda elettorali oħra fl-interess tal-konsumatur
Il-Kamra tad-Deputati llum, it-Tnejn 10 ta' Lulju, approvat mill-istadju tat-Tielet Qari l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ l-Att sabiex jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 u r-Regoli dwar it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi, sabiex tiżdied il-kompetenza ta' dan it-Tribunal u jiġi żgurat li dan ir-rimedju effiċjenti u effettiv ikun disponibbli għall-maġġoranza tal-ilmenti tal-konsumaturi. Dan l-abbozz issa ġie approvat mill-istadji parlamentari proċedurali kollha.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li mexxiet dan l-Abbozz ta' liġi fil-Parlament, qalet li bl-approvazzjoni parlamentari tal-lum qed titwettaq wegħda elettorali oħra. “Qed inwettqu wegħda elettorali oħra dik li nsaħħu r-rimedji disponibbli għall-konsumatur billi nerġgħu ngħollu l-ammont massimu ta' €5,000 li fuqhom jistgħu jsiru talbiet quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
It-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur ikollu quddiemu każijiet fejn ikun irriżulta nuqqas ta' qbil bejn il-konsumatur u l-fornitur fuq prodotti jew servizzi li l-valur tagħhom ma kienx jaqbeż il-€5,000. Oriġinarjament din iċ-ċifra kienet ta' €3,500 u kienet ittellgħet għal €5,000 fis-sena 2021.
B'dak approvat illum mill-Parlament iċ-ċifra ta' €5,000 issa ġiet irduppjata għal €10,000. B'hekk qed tkun irduppjata wkoll il-kompetenza li għandu bħalissa t-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur. Żieda bħal din fil-valur se tkun tfisser firxa usa koperta mid-dritt tal-konsumatur li jmur quddiem dan it-Tribunal. Każijiet bħal dawn jispiċċaw quddiem dan it-Tribunal wara li jkunu fallew it-tentattivi għal ftehim bejn il-partijiet bl-intervent tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur jew għaqda tal-konsumaturi li tkun reġistrata.
Permezz ta' din il-liġi għall-ewwel darba qed jiddaħħal il-kunċett ta' video conferencing fit-tribunal. Din l-għodda għandha tgħin fil-kumdità u l-effiċjenza tal-proċess.
B'dak approvat illum, il-konsumatur issa għandu opportunità aħjar li jersaq għal rimedju peress li l-ammont tal-valur konċernat qed jiżdied sostanzjalment.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en