STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Il-Proġett tax-Shore-to-ship: Ix-xogħlijiet fil-parti ta’ Boiler Wharf fl-Isla huma 95% kompluti
Infrastructure Malta (IM) qed toqrob lejn it-tlestija tal-fażi finali tal-proġett fin-naħa t'isfel tax-xatt tal-proġett tax-Shore-to-Ship, hekk kif għaddej l-ittestjar tat-tagħmir elettriku f'Boiler Wharf fl-Isla. Din il-parti tal-proġett tinsab 95% lesta. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt żjara fuq il-post.
IM bħalissa qed tittestja s-sistemi elettro-mekkaniċi kollha, inklużi il-cables, transformers, frequency converters, distribution boards u switchgear. Għaddej ukoll l-ittestjar tas-sistemi ta' kontroll u superviżjoni, dawk li jipproċessaw id-data, is-sistemi ta' back-up u tat-tifi tan-nar. Fil-jiem li għaddew, IM iffinalizzat l-ittestjar fuq il-vetturi ta' konnessjoni u l-krejnijiet li se jissupplixxu l-elettriku lill-cruise liners fil-Port il-Kbir.
Il-frequency converter station se jipprovdi provvista tal-enerġija fuq ix-xatt sa 16-il megavolt-ampere lil dawn il-cruise liners. Il-faċilità hija enerġizzata permezz ta' cable network ta' 33 Kilovolt imqabbad maċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tat-Tramuntana tal-elettriku fil-Marsa. L-istazzjon tal-frequency converters huwa mibni f'barrakka industrijali antika f'Boiler Wharf fl-Isla. IM qed tiffinalizza r-restawr u l-konservazzjoni tal-barrakka bħala parti mill-wirt industrijali lokali.
Min-naħa l-oħra, ix-xogħlijiet li għaddejjin fin-naħa tat-Tramuntana tal-Port huma fuq skala ferm akbar. In-naħa tat-tramuntana tal-Port se tkun tista' tipprovdi l-elettriku lil erba' vapuri f'daqqa, filwaqt li s-sistema hija mqassma fuq erba' mollijiet. Żewġ cables ta' 33 kilovolt se jelettrifikaw lit-tagħmir tal-frequency converter station tal-proġett f'Deep Water Quay fil-Marsa. Fil-Marsa, tlestew 90% tax-xogħlijiet, bl-ittestjar u l-ikkummissjonar tat-tagħmir skedat biex jibda dalwaqt.
Il-proġett shore-to-ship fit-Tramuntana tal-Port u dak f'Boiler Wharf huwa investiment ambjentali biex jitnaqqas 90% tat-tniġġis tal-arja mill-cruise liners fil-Port il-Kbir. Permezz ta' dan il-proġett, il-port se jkun mgħammar bl-infrastruttura elettrika kollha meħtieġa biex il-cruise liners jitfu l-magni tal-gasoil jew heavy fuel oil tagħhom u jqabbdu l-elettriku max-xatt. Dawn il-faċilitajiet se jelettrifikaw is-sistema abbord tal-vapur waqt li jkun irmiġġat fil-port, u jtejbu l-kwalità tal-arja għal 17,000 familja li jgħixu fiż-żona tal-Port il-Kbir.
Il-Ministru Aaron Farrugia tkellem dwar is-sinifikat ta' dan il-proġett, partikolarment għall-familji li jgħixu qrib iż-żona tal-Port il-Kbir. “Dan l-investiment sinifikanti se jtaffi t-tbatija tal-familji fl-inħawi, li ilhom għal żmien twil milquta mit-tniġġis li joħroġ mill-cruise liners," qal il-Ministru Farrugia. Hu żied li dan il-proġett se jnaqqas drastikament l-emissjonijiet ikkawżati mill-cruise ships waqt li jkunu qed iżuru Malta. Billi jitfu l-magni tagħhom, il-cruise liners iniġġsu 93% inqas ossidi tan-nitroġenu, 92.6% inqas particular matter u 99.6% inqas dijossidu tal-kubrit.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett enfasizza l-importanza sabiex Malta, flimkien mal-Unjoni Ewropea, jaħdmu lejn l-avvanz f'newtralità klimatika. Bl-għajnuna tal-Fond għal Transizzjoni Ġusta, qiegħed isir investiment ta' €33 miljun f'proġetti bħal ma huwa s-Shore-to-Ship li jiffoka fuq l-użu tal-enerġija nadifa fil-portijiet.
“Biex taċċessa l-appoġġ tal-Fond għal Transizzjoni Ġusta, Malta kellha tippreżenta Pjan Territorjali għal Transizzjoni Ġusta. Il-Pjan tagħna lejn proċess ta' transizzjoni ta' Malta għall-ekonomija bi klima newtrali ilu għaddej għal ħafna snin u huwa rifless b'mod partikolari fl-iżvilupp irreġistrat fl-aħħar għaxar snin fis-settur tal-enerġija," qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Se jkun hemm 13-il punt ta' konnessjoni max-xatt fin-naħa tat-tramuntana f'Pinto Quays u Deep Water Quay u 4 punti oħra ta' konnessjoni f'Boiler Wharf. Dawn se jipprovdu flessibiltà biex jippermettu li ssir konnessjoni ma' numru differenti ta' vapuri. Rapport Ewropew tal-2015 jindika li cruise liner wieħed irmiġġat fil-port għal tmien sigħat jipproduċi madwar 1.2 tunnellata ta' dijossidu tan-nitroġenu, l-ekwivalenti ta' 300,000 karozza misjuqa miċ-Ċirkewwa (il-Mellieħa) għal Marsaxlokk. Jirrilaxxa wkoll 30 kilogramma ta' particular matter, l-istess bħal 180,000 karozza li jivvjaġġaw l-istess distanza madwar Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en