STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Ġieħ l-Artiġjanat Malti: inżommu ħaj ix-xogħol tradizzjonali magħmul bl-idejn
Waqt iċ-ċerimonja Ġieħ l-Artiġjanat Malti, ġew rikonoxxuti t-talenti tal-artiġjana lokali, li minkejja l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, jibqgħu jispiraw ruħhom u jipproduċu prodotti artiġjanali tal-aqwa kwalità, prodotti li jirrispettaw il-passat tagħna filwaqt li jimxu maż-żminijiet tal-lum.
Il-premjijiet ta’ Ġieħ l-Artiġjanat Malti kienu maqsuma f’diversi kategoriji fosthom xogħlijiet tal-ħġieġ u ċeramika, tessuti, xogħlijiet tal-metall, ikel u xorb, fost l-oħrajn. Ingħataw ukoll premjijiet għal ideat ġodda, għal studenti li qed jispikkaw fl-artiġjanat u intraprendituri ġodda fl-artiġjanat.
Waqt li indirizza l-udjenza, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li dawn il-premjijiet huma importanti għax juruna l-kapaċitajiet kbar li għandna f’dawn l-oqsma f’pajjiżna, kif ukoll jagħtu lok biex tradizzjonijiet li qed jintilfu jibqgħu jinżammu ħajjin.
“Aħna konxji mir-realtà li numru ta’ snajja’ tradizzjonali, li kienu parti integrali mill-wirt kulturali tagħna, qed jiffaċċjaw it-theddida li jintilfu. Il-gvern qed jaħdem fuq strateġija għas-settur li tiggwida l-ħidma tal-Malta Crafts Foundation fis-snin li ġejjin, b’enfasi fuq snajja’ li qed jiġu mitlufa u kif dawn jistgħu jiġu preservati,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Il-ministru fakkar fl-investiment ta’ €700,000 għall-Incubation Centre fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali, li minbarra s-sede għall-Malta Crafts Foundation, iservi wkoll ta’ bażi li minnu jiġu mgħallma l-ħiliet tal-artiġjana Maltin lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-istudenti, filwaqt li joffri spazju sigur minn fejn jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet u tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-artisti.
“Nirringrazzja lill-Malta Crafts Foundation għal din iċ-ċerimonja. Nifraħ lill-Kap Eżekuttiv ta’ din il-fondazzjoni, Elton Micallef, li ġie elett membru fil-Bord tal-World Crafts Council Europe (WWCE) waqt l-Assemblea Ġenerali tal-WWCE li ttellgħet ftit tal-ġranet ilu, proprju f’pajjiżna. Iżda fuq kollox nirringrazzja lilkom l-artiġjana kollha li tibqgħu żżommu ħajja parti essenzjali mill-kultura tagħna,” temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en