STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
Espansjoni tan-netwerk tan-New Water fin-Nofsinhar ta’ Malta biex tissaħħaħ il-provvista u titnaqqas il-pressjoni mill-użu tal-groundwater
Il-proġett, li hu kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, jindirizza erba’ aspetti ewlenin biex tissaħħaħ l-infrastruttura tan-New Water
Investiment ta’ €24.5 miljun mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, se jwassal għall-estensjoni fin-netwerk ta’ New Water fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ ta’ Malta, kif ukoll żieda fl-ammont.
L-investiment tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, waqt żjara fl-impjant tat-Trattament tal-Wastewater f’Ta’ Barkat, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WSC, Karl Cilia.
L-investiment multimiljunarju jikkumplimenta l-impenn tal-gvern biex titnaqqas il-pressjoni mill-użu tal-groundwater. L-użu mill-ġdid tal-ilma huwa parti mill-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari fejn ir-riżorsi jerġgħu jintużaw.
Dan l-upgrade huwa mistenni li jiżgura lill-bdiewa provvista tal-ilma li hi sostenibbli. Huwa stmat li aktar minn 350 bidwi, b’total ta’ madwar 223 ettaru addizzjonali ta’ art agrikola, se jibbenefikaw minn din l-espansjoni.
“Il-proġett huwa riflessjoni ċara tal-impenn bla waqfien tagħna lejn futur sostenibbli għal Malta, u l-investiment tagħna f’ekonomija aktar ekoloġika. L-inizjattiva tan-New Water intlaqgħet b’mod pożittiv ferm mill-bdiewa, u għalhekk irridu nkomplu nibnu fuq is-suċċess tagħha,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Miriam Dalli stqarret li, “flimkien qed nieħdu passi kuraġġużi lejn Malta aktar ekoloġika u reżiljenti. Dan il-proġett juri l-impenn tagħna li nieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-bdiewa u nissalvagwardjaw is-settur agrikolu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
L-investiment huwa bbażat fuq erba’ pilastri: (i) it-tkabbir tal-kapaċità tal-Polishing Plant ta’ Barkat; (ii) l-applikazzjoni ta’ sistema Horizontal Directional Drilling (HDD) biex tforni l-ilma minn Ta’ Barkat u Sant’ Antnin lejn il-Ġibjuni ta’ Bidni, San Anard, u Xgħajra; (iii) l-estensjoni tan-netwerk tal-Lbiċ biex taċċessa żoni li qabel ma kinux moqdija biżżejjed, bħaż-Żurrieq, Ħal Safi, Marsaxlokk, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u l-Gudja; u (iv) l-installazzjoni ta’ booster stations u pipework.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal, “Għal darba oħra, bis-saħħa tal-fondi Ewropej, qed nipprovdu l-infrastruttura meħtieġa għall-iżvilupp tal-agrikultura, li huwa ta’ benefiċċju għal firxa wiesgħa ta’ operaturi f’dan is-settur rurali.”
Is-Segretarju Parlamentari Bonett spjega wkoll li dan il-proġett, appoġġat taħt il-Programm tal-EAFRD Miżura 4.3, huwa wkoll konformi mal-għanijiet tal-Pjan Strateġiku tal-CAP. B’dan il-mod ġdid ta’ kif jikseb l-ilma għall-bdiewa, il-gvern jista’ jrawwem settur agrikolu aktar reżiljenti u diversifikat filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-ikel fit-tul, u jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent, tal-klima u l-istruttura soċjoekonomika taż-żoni rurali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WSC Karl Cilia qal, “Dan il-pjan komprensiv jimmarka kapitlu ġdid fl-impenn tagħna li nipprovdu provvista tal-ilma ġdida sostenibbli u affidabbli lill-komunitajiet tagħna. Qed nimxu mill-kliem għal azzjoni, u qed nimplimentaw teknoloġiji u infrastruttura avvanzata biex niżguraw l-immaniġġjar u l-utilizzazzjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma tagħna.”
L-investiment jinkludi l-espansjoni b’6,000 metru kubu kuljum tal-kapaċità tal-produzzjoni mill-impjant ta’ Highly Polished Tertiary Treated Effluent (HPPTW). Dan it-titjib se jeħtieġ iż-żieda ta’ żewġ sistemi ta’ Ultrafiltration/Reverse Osmosis, li kull waħda tipproduċi fluss massimu ta’ 125 metru kubu fis-siegħa. In-New Water se jiġi rimineralizzat u diżinfettat permezz ta’ sistema ta’ Advanced Oxidation.
Permezz tal-użu ta’ sistema intelliġenti ta’ dispenser elettroniku, il-WSC għandha l-għan li tnaqqas it-telf tal-ilma tul il-pumping mains.
In-netwerk se jiġi implimentat permezz ta’ trinek fil-wiċċ li jkopru 12-il kilometru, u li jiżguraw provvista tal-ilma affidabbli u sostenibbli għall-ħtiġijiet agrikoli.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en