STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ: Jeħtieġ li jsir aktar xogħol fejn tidħol il-migrazzjoni – il-Ministru Ian Borg
“Fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari, naħsbu li hemm ħafna aktar xogħol xi jsir. Id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni għandha tibqa' parti ċentrali tal-approċċ komprensiv tagħna biex nindirizzaw l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Irridu ninvolvu ruħna mal-imsieħba fuq approċċ ta' rotta sħiħa u naħdmu b'riżorsi biex nipprevjenu t-telf ta' ħajjiet, innaqqsu l-movimenti primarji u nżidu r-rata tar-ritorni."
Dan ġie enfasizzat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-lum li ffinalizza t-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew li se jsir aktar tard din il-ġimgħa.
Il-Kunsill Ewropew se jqis ix-xogħol li sar dwar il-migrazzjoni u se jiddiskuti wkoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, li tkompli tkun suġġett importanti fuq l-aġenda tal-mexxejja; isegwi l-ħidma tiegħu ta' Marzu dwar is-Suq Uniku u l-kompetittività; is-sigurtà ekonomika tal-UE wara l-kommunikazzjoni li ġiet ppubblikata aktar kmieni dan ix-xahar, kif ukoll numru ta' materji ta' relazzjonijiet esterni, inklużi relazzjonijiet maċ-Ċina; u l-Viċinat tan-Nofsinhar.
Il-Ministru Ian Borg laqa' d-diskussjoni li ġejja dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u saħaq fuq il-ħtieġa li dan ir-reġjun jingħata l-attenzjoni li jixraqlu u nnota li l-pakkett għat-Tuneżija jista' jkun importanti ħafna, u jeħtieġ li naraw inizjattivi simili ma' pajjiżi oħra fir-reġjun.
Dwar l-ekonomija, il-Ministru Borg enfasizza l-importanza tal-inizjattivi tal-UE biex tissaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza ekonomika tal-UE. Huwa appella wkoll għall-aċċelerazzjoni tal-ħidma fuq ir-riforma tal-pakkett farmaċewtiku biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-mediċini fl-istati membri kollha u għaċ-ċittadini kollha tal-UE.
Fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali kien hemm ukoll is-Semestru Ewropew u diskussjoni dwar elementi tal-proposta tal-liġi elettorali. Dan kien l-aħħar Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali taħt il-Presidenza Svediża u l-ministri ġew ippreżentati wkoll bil-Programm Trio ġdid ta' 18-il xahar li jiddeskrivi l-prijoritajiet tal-Presidenzi li jmiss, jiġifieri Spanja, il-Belġju u l-Ungerija.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en