STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ L-aħħar żviluppi fir-Russja u l-Ukrajna fuq nett tal-aġenda għad-diskussjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin
L-aħħar żviluppi fir-Russja u l-Ukrajna kienu fuq nett tal-aġenda għad-diskussjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea li qed jitlaqqa' fil-Lussemburgu. Il-Ministri esprimew id-determinazzjoni tagħhom li jibqgħu għaddejjin bix-xogħol ta' sostenn lill-Ukrajna waqt li qed ikomplu jsegwu dak li gara fir-Russja fi tmiem il-ġimgħa.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg reġa' tenna t-tħassib ta' Malta fuq l-aggressjoni kontinwa mir-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż l-attakki fuq l-infrastruttura ċivili. Il-Ministru Borg esprima tħassib dwar il-qerda tad-Diga ta' Kakhovka u d-distruzzjoni ekoloġika u umanitarja li din qed tħalli. Huwa sostna li Malta se tibqa' tikkontribwixxi għall-isforzi diplomatiċi internazzjonali għall-pjan ta' paċi. Il-Ministru Borg saħaq dwar il-bżonn li nibqgħu nitkellmu mal-imsieħba internazzjonali sabiex jkomplu jikbru l-alleanzi kontra l-aggressjoni fuq l-Ukrajna. F'dan ir-rigward, il-Ministru Borg tenna kif Malta tilqa' l-adozzjoni tal-11-il pakkett tas-sanzjonijiet filwaqt li talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli taħdem ħalli anke l-alleati tal-Istati Membri jaddottaw sanzjonijiet simili.
Dwar it-twaqqif ta' tribunal li jinvestiga reati ta' gwerra kontra l-Ukrajna, il-Ministru Borg saħaq li hu importanti li jkun hemm appoġġ wiesa' u leġittimità internazzjonali.
Il-Ministri ddiskutew ukoll il-bżonn li jkun hemm appoġġ prevedibbli u sostenibbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Il-Ministri laqgħu tajjeb iż-żieda ta' €3.5 biljun fl-allokazzjoni għal din il-Faċilità.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-viċinat tan-Nofsinhar, b'mod partikolari t-Tuneżija. Sostna li l-aħħar skambji bejn l-UE u t-Tuneżija bagħtu messaġġi tajba iżda wasal iż-żmien li l-UE terġa' żżid u ssaħħaħ l-impenn tagħha fir-reġjun. Il-Ministru Borg saħaq li t-Tuneżija għandha tiġi megħjuna biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli kemm għat-Tuneżija kif ukoll għal-Fond Monetarju Internazzjonali. Barra minn hekk huwa żied jgħid li d-djalogu imsaħħaħ fi ħdan il-qafas tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija joffri opportunità importanti biex jitjiebu ir-rabtiet politiċi u istituzzjonali bejn iż-żewġ naħat. F'dak li għandu x'jaqsam mal-immigrazzjoni, l-UE trid tgħin lit-Tuneżija permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità tagħha biex timmaniġġja b'mod effettiv il-fruntieri, iżda wkoll b'miżuri oħra biex il-poplu Tuneżin igawdi minn opportunitajiet ta' xogħol fil-pajjiż.
Matul din il-laqgħa kienu diskussi wkoll r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Amerka Latina, bi preparazzjoni għal-laghqa tal-mexxejja Ewropej li se jsir f'Lulju li ġej. Il-Ministru Borg għamel referenza għall-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw il-pajjiżi tal-Karibew minħabba t-tibdil fil-klima u l-għajnuna li qiegħda tagħti Malta fi ħdan il-qafas ta' inizjattivi bilaterali bejn Malta u l-Gżejjer fir-reġjun.
Il-Kunsill iddiskuta ġrajjiet kurrenti oħra, inkluż is-sitwazzjoni fil-Kosovo, l-Iran u materji oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en