STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Protezzjoni għall-bajja u d-dgħajjes, u konnettività aħjar; jibda l-bini mill-ġdid tal-breakwater f’Buġibba
Infrastructure Malta (IM) nediet l-ewwel fażi tal-proġett ta' bini mill-ġdid tal-breakwaterta' Buġibba flimkien ma' terminal ġdid b'faċilitajiet aktar siguri għall-passiġġieri.
Permezz ta' dan il-proġett, dawk li jiffrekwentaw il-bajja u dawk li jagħmlu użu mill-opri tal-baħar f'din iż-żona se jkollhom serħan il-moħħ mill-qawwa tal-baħar. Barra minn hekk, is-servizz tat-trasport bil-baħar f'Malta se jkun qiegħed jiġi estiż mill-Belt Valletta, tas-Sliema u l-Kottonera, lejn San Pawl il-Baħar.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta' IM Ivan Falzon, waqt żjara li huma għamlu fuq il-post.
Intqal kif it-tul tal-breakwater se jkun aktar minn 180 metru, li huwa itwal minn dak eżistenti. Dan se jipprovdi ilqugħ aħjar mill-mewġ tal-baħar u jipproteġi d-dgħajjes tas-sajd u bastimenti żgħar oħra li jirmiġġaw f'din iż-żona u l-kumplament tal-bajja. L-aġenzija qed tintroduċi faċilitajiet aktar siguri għall-irmiġġ, tlugħ u nżul, għall-passiġġieri li jużaw servizz tat-trasport bil-baħar.
Il-bini mill-ġdid tal-breakwater jinkludi wkoll pjattaformi iktar siguri għall-irmiġġ ta' laneċ tal-passiġġieri li jagħmlu użu mill-istruttura eżistenti tul ix-xhur tas-sajf għall-vjaġġi rikreattivi. Ix-xogħol bħalissa għaddej bit-tħammil tal-pedamenti eżistenti tal-breakwater fejn bdew jitpoġġew diversi blokkok li se jiffurmaw l-istruttura prinċipali tal-breakwater. Fl-istess ħin, bdiet titkisser il-parti ta' ġewwa tal-breakwater l-antik hekk kif qed isiru diversi tiswijiet estensivi taħt il-livell tal-ilma.
Il-Ministru Aaron Farrugia tkellem dwar kif IM qed tintroduċi wkoll moll ieħor ta' 37 metru fit-tramuntana tal-breakwater. Dan il-moll se jipprovdi kenn ikbar u irmiġġ aktar sigur f'diversi kundizzjonijiet tat-temp, filwaqt li se jkun qiegħed jinbena mill-ġdid ukoll l-iskal ta' ħdejn il-breakwatereżistenti b'disinn aktar sigur.
“Permezz ta' dan il-proġett irridu noffru serħan il-moħħ lil dawk li jiffrekwentaw din iż-żona u n-numru ta' sajjieda li jsorġu f'din iż-żona. Huwa ta' sodisfazzjon li naraw aktar proġetti ta' infrastruttura marittima jieħdu l-ħajja madwar pajjiżna. Dan speċjalment fil-kuntest tal-fatt li pajjiżna jeħtieġ ikollu infrastruttura marittima b'saħħitha hekk kif jiddependi minnha bħala stat gżira," temm jgħid il-ministru.
Eventwalment IM ser tkun qed tibni terminal fejn wieħed jista' jistkenn u jaqta' biljett biex jivvjaġġa bis-servizz tal-lanċa lejn Tas-Sliema, il-Belt Valletta jew Bormla. It-terminal il-ġdid għall-irmiġġ tal-laneċ ser ikun mgħammar b'rampi u faċilitajiet oħrajn biex dan il-mezz ta' trasport alternattiv ikun aċċessibbli minn kulħadd. Se jiġu installati wkoll bicycle racks li jinċentivaw l-ivjaġġar b'modi alternattivi ta' trasport.
Il-bini mill-ġdid ta' dan il-breakwater f'Buġibba huwa ir-raba' proġett marittimu ta' dan it-tip li Infrastructure Malta qed tiżviluppa sabiex toffri faċilitajiet alternattivi u iktar siguri għall-passiġġieri li jużaw dan is-servizz.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll membri mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en